Lokali Parlament

Jeħtieġ inċentivi biex l-agrikoltura tkun salvata

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina appella fil-parlament biex ikunu introdotti inċentivi lill-bdiewa żgħażagħ u dawk eżistenti biex il-biedja f’Malta tkun salvata.

Toni Bezzina qal li jkun żball kbir jekk l-agrikoltura ssir ballun politiku u sostna minkejja l-passi żgħar li sar ‘l quddiem, żgur li ma sarx biżżejjed biex l-agrikoltura tkun imsaħħa. Hu tkellem fuq il-mod kif il-kriżi agrikola qed tolqot il-pajjiżi kollha madwar id-dinja u qal li d-diffikultajiet għandhom ikunu mdawra f’opportunitajiet.

Id-deputat Nazzjonalista tratta l-kooperattivi fis-settur agrikolu u qal li hu pożittiv li fil-pajjiż hawn diversi kooperattivi tal-bdiewa. Jeħtieġ li iktar bdiewa u raħħala għandhom jingħaqdu fil-kooperattivi għaliex dawn ikomplu jtejbu s-settur agrikolu.

Hu tkellem dwar il-qasam veterinarju fil-kuntest tal-bhejjem tal-irziezet u qal li hawn nuqqas kbir ta’ veterinarji li jieħdu ħsieb dawn il-bhejjem. Dan għaliex il-kors ta’ veterinajrji għadu ma jsirx f’Malta.

Jeħteġ isir investiment fil-magħlef ta’ kwalità biex il-bidwi jiffranka l-prezz tal-importazzjoni tal-magħlef minn barra, sostna d-deputat Nazzjonalista, li tkellem dar il-qligħ mis-settur agrikolu. Hu spjega li l-qligħ tant hu żgħir li qed iwassal biex il-bdiewa qed jonqsu b’mod qawwi.

Toni Bezzina qal li jista’ jkun li li fil-futur qarib ma jibqax bdiewa u raħħala u appella biex ikun hemm inċentivi għall-bdiewa żgħażagħ li għandhom jingħataw raba’ biex jibdew f’dan is-settur. Din hi l-uniku triq ‘il quddiem f’dan is-settur.

Toni Bezzina tkellem dwar il-ħinijiet inkonvinjenti li fihom il-bdiewa u r-raħħala jridu jdaħħlu l-prodotti fil-pitkalija fosthom it-Tnejn filgħodu fis-1 am u l-Ħamis fis-2.30 am. Hu appella biex jinbidlu dawn il-ħinijiet biex il-bdiewa jkunu jistgħu jgawdu tmiem il-ġimgħa mal-familji tagħhom.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex ma jkunx hemm nuqqas ta’ kaxxi tal-prodotti fil-pitkalija. Hu tkellem dwar is-suq tal-bdiewa u qal li suppost li kellha tintrema’ tinda f’Ta’ Qali iżda minkejja li għaddiet sena baqa’ ma sar xejn minn dak li kien imwiegħed.

Toni Bezzina qal li r-raba’ agrikola l-gvern għandu jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Agrikoltura u mhux fid-Dipartiment tal-Artijiet.

Dan għaliex hu l-Ministeru tal-Agrikoltura li jaf kif għandu jitmexxa bl-aħjar mod r-raba’ agrikolu. Dan għandu jiggarantixxi li r-raba’ agrikolu jinħadem mill-bdiewa u ma jmurx għal skopijiet ta’ divertiment, sostna Toni Bezzina.

Hu tkellem dwar l-ilma tat-tieni klassi u qal li hemm problemi bid-distribuzzjoni ta’dawn l-ilma lill-bdiewa. Hu minnu li l-ilma tat-tieni klassi mhux taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Agrikoltura u s-Sajd biex jitmexxa bl-aħjar mod.

Toni Bezzina qal li hemm bdiewa li m’għandhom ebda aċess għall-ilma u ppropona li fejn bdiewa ġeniwini għandu jkun hemm soluzzjonijiet.