Lokali

L-MDA tappella għal  investimenti sostenibbli u fit-tul

Il-Gvern imexxi minn Robert Abela għandu joffri aktar investimenti sostenibbli u viżjoni fit-tul.

Dan kien l-appell b’saħħtu li twassal mill-Malta Developers Association fi stqarrija li ġiet ippubblikata l-Erbgħa filgħodu, hekk kif insistiet li l-infrastruttura tal-pajjiż għandha tkun ta’ livell adegwat; f’messaġġ ċar li lanqas l-iżviluppaturi mhuma kuntenti bl-istat li jinsab fih il-pajjiż.

Dan jinkludi it-toroq u l-bankini, l-indafa, il-konnettivita’ tal-internet, it-trasport, l-infrastruttura marittima, li jkollna spazji miftuħa u aċċessibbli kif ukoll proġetti relatati mal-kwalità tal-arja.

L-MDA saħqet li għalkemm xi drabi l-Gvern ma jkunx ħerqan wisq għal proġetti bħal dawn, u jippreferi jonfoq il-flus fuq proġetti bi prospetti ekonomiċi mhux dawshekk fit-tul, dawn għandhom isiru b’mod immedjat.

L-MDA qalet li l-Gvern għandu iżid in-nefqa kapitali tiegħu peress li dan huwa meħtieġ għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Apparti minn hekk, il-Gvern irid jiżgura li jerġa’ lura għal sistema fejn il-proġetti infrastrutturali jitlestew f’perjodi qosra, peress li issa qed naraw tendenza fejn proġetti jieħdu wisq żmien u jdumu jkarkru ħafna.

Intant, il-Malta Developers Association filwaqt li tilqa’ l-fatt illi l-Gvern irnexxielu jżid id-dħul tiegħu permezz ta’ żieda fid-dħul mit-taxxi, appellat sabiex issa jara li din iż-żieda fid-dħul ma tmurx għan-nefqa kurrenti imma tiġi allokata ghall investimenti kapitali li jservu fit-tul.