Lokali

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma jweġibx mistoqsijiet dwar il-vjolenza domestika

It-Tnejn filgħodu, In-Nazzjon bagħtet korrispondenza lill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru f’Kastilja u staqsejna x’inhi l-politika tal-Gvern ta’ Robert Abela fir-rigward ta’ persuni li jinsabu f’bordijiet jew f’entitajiet governattivi iżda li jkunu għaddejjin minn proċeduri dwar akkużi serji ta’ vjolenza domestika.

Fil-korrispondenza indikajna li xtaqna li nirċievu r-risposta tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru sal-bieraħ f’nofsinhar, jiġifieri aktar minn sittax-il siegħa minn meta aħna konna bgħattna l-mistoqsijiet tagħna. Għal xi raġuni l-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru naqas milli jirrispondi l-mistoqsijiet sempliċi iżda diretti tagħna.

In-Nazzjon indirizzat il-mistoqsijiet lil Edward Montebello li hu l-Kap tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Ktibnielu u staqsejnih: “Napprezza ħafna jekk tagħtini tweġiba għal din il-mistoqsija li nixtieq nagħmel b’rabta ma’ indaġni li qed naħdem dwarha.”

“Huwa aċċettabbli li membru ta’ bordijiet u entitajiet tal-Gvern ikun għaddej minn proċeduri dwar akkużi serji ta’ vjolenza domestika?… Normalment x’azzjoni tittieħed meta jkun hemm persuni appuntati f’xi entità governattiva li jkunu għaddejjin minn proċeduri kriminali?”

U temmejna l-korrispondenza tagħna billi urejna l-apprezzament tagħna kemm-il darba t-tweġiba tal-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru jibgħatilna t-tweġiba tiegħu sal-bieraħ f’nofsinhar.

Għal xi raġuni bqajna bla tweġiba, bħallikieku jew ġejna injorati nkella l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma jħossux komdu jaġixxi fil-konfront ta’ min jinsab f’bordijiet u f’entitajiet governattivi filwaqt li qiegħed jiffaċċja proċeduri fil-qrati Maltin dwar vjolenza domestika.

Tajjeb li nfakkru li l-ġimgħa l-oħra, In-Nazzjon żvelat storja fejn staqsejna x’se jagħmel Robert Abela quddiem test li għandu quddiemu fir-rigward ta’ persuna f’bordijiet governattivi iżda li jinsab akkużat bi vjolenza domestika.

In-Nazzjon żvelat li l-Avukat Alessandro Lia, iben l-Avukat Pawlu Lia, jista’ jkun li jinsab għaddej minn proċeduri kriminali, u rrapportat kif filfatt f’dawn il-jiem issemma’ wkoll li l-Maġistrat Nadine Lia kellha tastjeni milli tkompli tisma’ każ dwar omiċidji propju minħabba li l-Avukat ta’ Alessandro Lia kien propju l-avukat kontriha fil-proċeduri.

Irrappurtajna li għalhekk issa qed iqumu mistoqsijiet serji kemm dwar jekk il-Gvern Laburista hux serju fl-impenn tiegħu kontra l-vjolenza domestika kif ukoll jekk Alessandro Lia għandux jirriżenja jew għall-inqas ikun sospiż mid-diversi karigi pubbliċi li jokkupa.

Tajjeb li jingħad li, fost l-oħrajn, Alessandro Lia hu Kummissarju għall-Ġustizzja, membru fuq il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir u membru fuq diversi bordijiet governattivi oħra.

Kollox jindika bl-aktar mkod ċar li f’dawn il-ġimgħat tas-sajf, Robert Abela se jkollu jkompli jaffaċċja baħar imqalleb mhux biss bil-problemi fil-Gvern u l-Kabinett, li għandu f’ħoġru, u anki bil-firdiet u ġlied intern fil-Partit Laburista, iżda issa anki peress li din l-aħħar kontroversja tista’ timbarazza sew lill-Gvern Laburista fuq diversi fronti, sal-punt li anki ddarras li jwieġeb mistoqsijiet leġittimi mibgħuta lilu minn In-Nazzjon.