Imħallef irrevoka ordni ta’ ffriżar maħruġa fuq l-assi ta’ raġel akkużat bi traffikar ta’ eroina, 17-il sena ilu u tah id-danni wara li sab ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu. Dan joħroġ minn deċiżjoni mogħtija mill-Imħallef Grazio Mercieca, li jippresiedi l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha, fil-kawża mressqa minn Joseph Lebrun kontra l-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat.
Lebrun bħalissa qed jistenna l-proċess li fih huwa akkużat li importa u ttraffika seba’ kilos eroina fl-2005. Digriet ta’ ffriżar fuq l-assi kollha tiegħu kien impost b’rabta ma’ dawk il-proċeduri, li bħalissa jinsabu fl-istadju ta’ sottomissjonijiet preliminari.
Il-kawża kienet inizzjata mill-Avukat Josè Herrera fejn flimkien ma’ l-Avukat Franco Debono, kienu insistew li l-ordni tal-iffriżar kienet miżura drakonjana peress li tħalla ma jistax iħaddem il-kontijiet bankarji tiegħu fi stadju meta għadu preżunt innoċenti, li kkawża problemi serji ma’ min iħaddmu u żammeh milli jonora l-impenji finanzjarji tiegħu.
L-Imħallef Grazio Mercieca laqa’ t-talbiet kollha ta’ Lebrun ħlief waħda, u ddikjara li d-dritt tiegħu għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tiegħu kien miksur. L-Imħallef iddikjara l-ordni ta’ ffriżar imposta fuq Lebrun bħala nulla u rrevokah, u tah €15,000 f’danni li għandhom jitħallsu f’porzjonijiet indaqs mill-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali.