Il-Maltin u l-Għawdxin li jixtiequ jixtru propjetà f’pajjiżna qed jitħallew waħedhom mill-Gvern ta’ Robert Abela. L-għotjiet li qed jingħataw m’humiex biżżejjed, partikolarment issa li, skont l-aħħar rapport mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, il-prezzijiet tal-propjetà reggħu żiedu b’6.6% fuq is-sena li għaddiet, bl-aktar żieda kienet fil-prezzijiet tal-appartamenti.
Fi stqarrija ppublikata minn Albert Buttigieg, Kelliem għal Livell ta’ Għajxien Aħjar b’Impenn Kontra l-Għoli tal-Ħajja u Ivan Bartolo, iKelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda Kontra l-Faqar, il-PN jtenni, bħalma diġà għamel sa mit-tħabbir tal-Budget, li l-għotja ta’ €1,000 fis-sena għal 10 snin lill-koppji li jixtru l-ewwel dar tagħhom se twassal biex ikun hemm żieda fil-prezzijiet, għalkemm kull għajnuna hi meqjusa bħala tajba. Wara li kien ħabbarha b’tant pompa, kien Robert Abela nnifsu li kien qal lis-sidien biex ma jgħollux il-prezzijiet.
Sfortunatament, hekk ġara. Għax għal darb’oħra, il-Gvern tal-Labour ra sal-ponta ta’ imnieħru għax spiċċa ġab il-ġebla fuq saqajn il-koppji li suppost qed jgħin u oħrajn li saħansitra lanqas setgħu jingħataw l-għotja.
Din iż-żieda fil-prezzijiet tal-propjetà qed toħloq mhux biss sitwazzjoni ta’ diffikultà kbira biex koppji u individwi jixtru l-ewwel dar tagħhom, iżda anke ansjetà u problemi soċjali oħra u b’hekk jitnaqqrilhom il-livell ta’ għajxien tagħhom.
ll-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni li minflok tingħata għotja ta’ flus, ikun ferm aktar għaqli li jingħata sussidju fuq l-interessi tas-self mill-banek biex b’hekk, il-prezz mitlub mis-siden ma jitmessx. Dan anke fid-dawl tal-piż li jġorr miegħu l-imgħax marbut mas-self mill-banek.
Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien daħħal skema fejn tingħata rifużjoni tal-VAT fuq xogħlijiet li jsiru fuq l-ewwel dar. Din kienet skema suċċess u tajjeb li wieħed ikompli jibni fuqha. Min-naħa l-oħra, Robert Abela għandu jieqaf jipprova jidher sabiħ u jara li min irid jixtri propjetà, ikollu verament l-għajnuna meħtieġa.
//= $special ?>