Lokali Parlament

Sfruttament u skjavitu ta’ ħaddiema minn barra l-UE f’Malta

Graziella Attard Previ, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ qalet fil-parlament li ‘Malta qed isir sfruttament kbir u qed jinħoloq skjavitu fuq ħaddiema barranin li ġejjin minn pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

Fl-Aġġornament tal-parlament Graziella Attard Previ qalet li immigranti li ma jistgħux jmorru lura pajjiżhom, m’għandhomx futur f’Malta aktar u aktar issa li l-gvern għamilha ċara li mhux se jgħinhom. Għalhekk dawn qed jispiċċaw sfruttati.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar is-sofferenza tal-ħaddiema barranin f’Malta fosthom il-mijiet ta’ ħaddiema barranin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw. Hi qalet li dan hu skjavitu modern taħt gvern Laburista.

Graziella Attard Previ kkundannat lil dawk li bil-barka tal-gvern Malti jisfrutta lill-ħaddiema u qalet li taħt dan il-gvern il-miljunarju jistgħu jixtru ċ-ċittadinanża waqt li ħaddiema barranin qed ikunu sfruttati bla drittijiet.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li ħaddiema barranin qed jinħelbu bix-xogħol li qed jagħmlu biex jaqilgħu ftit flus. Graziella Attard Previ sostniet li dawn ilħaddiem qed jaħdmu ħinijiet twal bla ħajja soċjali filwaqt li m’għandhomx mistrieħ. Dan biex iħallsu l-kirja tal-post, il-kontijiet u jibgħat xi ħaġa tal-flus lill-familji tagħhom f’pajjiżhom.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li dawn il-ħaddiema qed jgħixu f’nuqqas serju ta’ dinjità u qalet li fil-pajjiż mhumiex il-ħaddiema mill-UE li huma fil-maġġoranza iżda ħaddiema minn pajjiżi minn barra l-UE. Hi appellat biex il-gvern ibiddel il-mudell ekonomiku għaliex mhux sostenibbli. Il-gvern għandu joħloq industriji ġodda fejn il-ħaddiema ma jkunux sfruttati.