Eluf ta’ Ukreni li jgħixu qrib il-fruntiera mal-Belarus huma inkwetati ferm dwar il-potenzjal ta’ invażjoni ġdida ta’ pajjiżhom mill-paramilitari u merċenarji tal-grupp Wagner. Dan wara li l-merċenarji rilokaw lejn il-Belarus wara li ħadu sehem f’irvell fir-Russja li kważi wassal għat-tmiem tat-tmexxija preżenti fil-Kremlin.
Il-Kap tal-Wagner, Yevgeny Prigozhin, bħalissa qed jgħix f’eżilju fil-Belarus fejn issieħbu miegħu l-eluf ta’ ġellieda tal-Wagner — grupp li tul is-snin kiseb reputazzjoni għall-brutalità tiegħu fil-kampijiet tal-battalja u li sa ġimgħat ilu kien involut sew fil-battalja għall-kontroll tal-belt Ukrena ta’ Bakhmut.
Intant, ir-ritratti miġbudin bis-satellita qed juru mijiet ta’ tined fl-artijiet tal-Belarus viċin il-fruntiera u li x’aktarx huma tal-paramilitari ta’ Prigozhin.
Il-familji Ukreni qrib il-fruntiera mal-Belarus, sena u nofs ilu, kienu batew l-akbar impatt tal-invażjoni tal-Ukrajna mit-truppi tar-Russja. Dan meta l-awtoritajiet fl-Ukrajna huma wkoll konxji mill-aħħar theddida ta’ Prigozhin li qal ‘il-Wagner dalwaqt għandu jiċċelebra aktar trijonfi fuq il-front tal-gwerra’.
Il-preżenza ta’ Prigozhin fil-Belarus għandha anki titqies bħala theddida kbira għat-tul taż-żmien għall-Ukreni u meta bħalissa qed jiċċirkulaw ħafna għajdut dwar ir-rwol tal-grupp Wagner f’dak il-pajjiż li hu alleat kbira tar-Russja.
U għalkemm il-President Russu Vladimir Putin kien għajjar lil Prigozhin bħala traditur minħabba l-irvell, mhux eskluż li Putin, ‘il quddiem, jirrikorri mill-ġdid għall-ġellieda merċenarji tal-Wagner biex jgħinuh jattwa t-tragwardi fl-Ukrajna, Dan ukoll għaliex il-paramilitari ta’ Prigozhin kienu element importanti ħafna fil-ftit suċċessi militari tar-Russi fiż-żmien li ilha għaddejja l-gwerra fl-Ukrajna.
//= $special ?>