Kummerċ Lokali

Debit Card ġdida ta’ MeDirect toffri opportunitajiet ta’ rebħ

MeDirect nieda s-servizz tal-cards. Il-klijenti tal-Bank issa jistgħu japplikaw għal debit card li tista’ tintuża globalment, kull fejn tiġi aċċettata Mastercard. Permezz tad-debit card, il-klijenti issa jistgħu faċilment jaċċessaw u jonfqu l-flus miżmuma fil-kontijiet tagħhom. Il-cards jistgħu jiġu ordnati u immaniġġjati kompletament onlajn permezz tal-pjattaforma bankarja ta’ MeDirect u l-Mobile App. Il-klijenti jistgħu japplikaw kemm għal cards fiżiċi bla ebda ħlas li jistgħu jintużaw għal xiri mill-ħwienet u onlajn kif ukoll biex jiġbu flus kontanti, kif ukoll jistgħu japplikaw għal cards virtwali li jistgħu jintuzaw onlajn.

Biex jiċċelebra din it-tnedija, MeDirect qed jagħti lill-klijenti tiegħu l-opportunità li jirbħu premjijiet meraviljużi matul dan is-sajf. Ma’ kull tranżazzjoni li jwettqu bid-debit card ta’ MeDirect, il-klijenti se jkunu awtomatikament intitolati li jipparticipaw f’din il-kompetizzjoni. Il-premjijiet għal kull xahar jinkludu vawċer ta’ €1,000 mingħand Scan u weekend break lussuż f’The Westin Dragonara Resort. Barra minn hekk, il-klijenti għandhom l-opportunità li jirbħu l-premju ta’ kull ġimgħa ta’ vawċer ta’ €250 li jista jintuża fi kwalunkwe ħanut ta’ The Point.

Pawel Malukiewicz, Group Head – Channels and Customer Experience ta’ MeDirect Group, qal, “It-tnedija tad-debit cards għall-klijenti tagħna f’Malta hija pass importanti għal MeDirect. Il-missjoni tagħna, bħala l-ewwel bank diġitali Malti, hija li nagħtu lill-klijenti l-għodda sabiex jimmaniġġjaw flushom bil-mod li jridu. Il-process biex tordna debit card huwa sempliċi, u kompletament onlajn. It-tnedija tad–debit cards hija pass ieħor importanti fl-istrateġija ta’ tkabbir u trasformazzjoni ta’ MeDirect.”

Minbarra li toffri s-servizzi normalment assoċjati ma’ debit cards, il-card ta’ MeDirect, li hija b’xejn, se toffri l-faċilità li jintuzaw kontijiet kurrenti f’muniti differenti bħall-Ewro, Dollaru Amerikan u Sterlina Brittanika. Dan ifisser li l-klijenti jistgħu jagħmlu xiri f’dawn il-muniti mingħajr ma jkollhom jħallsu spejjeż abbinati mal-kambju tal-muniti meta jkunu qed juzaw il-card. Il-klijenti ta’ MeDirect ser jibqghu igawdu wkoll benefiċċji addizzjonali bħal trasferimenti ta’ flus lejn kontijiet bankarji oħra mingħajr ebda ħlas.