Lokali Saħħa

Il-Gvern mhux jagħti aktar magni għal min jinqatagħlu nifsu meta jorqod

Anzjani li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif il-Gvern m’għadux aktar jipprovdilhom il-magni CPAP / BiPAP – magni li persuni li jbatu bil-kundizzjoni magħrufa bħala sleep apnea jkollhom bżonn sabiex ma jinqatagħlhomx nifishom meta jkunu reqdin.

Dawn il-magni huma kruċjali, u għal xi wħud jistgħu jfissru differenza enormi f’ħajjithom.

Minkejja dan, l-anzjani li tkellmu magħna qalulna li fl-aħħar ġimgħat, dawk l-anzjani li ġew riferuti għal din il-magna jew kellhom il-magna bil-ħsara u għandhom bżonn ibidluha, jew ġew infurmati li l-isptar m’għadx għandu aktar magni.

Meta l-anzjani staqsew x’ser jagħmlu għal lejl, is-soluzzjoni li tawhom mill-isptar kienet li jew jixtru din il-magna mingħand il-privat, spiża ta’ kważi €2,000, inkella jmorru jorqdu u jekk jinqatagħlhom nifishom iċemplu l-emerġenza.

Din ir-reazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa qed tnissel rabja kbira, hekk kif dawn l-anzjani qed jintalbu jirriskjaw ħajjithom jew joħorġu l-ispiża mill-pensjoni tagħhom, filwaqt li l-Gvern m’għandu l-ebda problema jberbaq il-miljuni fil-frodi tal-Vitals u f’konsulenzi li minnhom qed jitħanżru tal-qalba – kif kienet qalet b’mod car id-deputat Rosianne Cutajar.