Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-belt ta’ Lviv fil-mira tar-Russi…Mejtin u neqsin wara attakk ieħor fuq iċ-ċivili

Il-magna tal-gwerra tar-Russja kompliet bil-bumbardamenti fuq l-ibliet u z-zoni ċivili tal-Ukrajna u fejn din id-darba nqatlu talanqas ħames persuni meta missila laqtet direttament lil blokk tal-appartamenti fil-belt ta’ Lviv.

L-awtoritajiet fi Lviv – lejn il-Punent tal-Ukrajna – fissru l-attakk bħala ‘l-akbar aggressjoni’ fuq l-infrastruttura ċivili tal-belt u li nkwadrat fil-pjani tal-Kremlin biex inissel terrur fil-qalba tas-soċjetà Ukrena permess ta’ azzjonijiet intiżi biex ikissru l-moral ta’ poplu.

Filwaqt li l-militar tar-Russja ma kummentax dwar l-attakki, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, ħalef li pajjiżu għandu jirritalja bil-kbir għal din l-aggressjoni tar-Russi fuq ċittadini vulnerabbli. Zelensky, fl-istess ħin, irrefera għall-militar Russu bħala ‘entità ta’ terroristi’ waqt li ħalef li dawn l-attakki mhumiex se jnaqqsu mill-aptit għar-reżistenza lill-qawwiet li invadew pajjiżu.

Il-Kap reġjonali ta’ Lviv, Maksym Kozytskyi, fl-aħħar sigħat ikkonferma li l-attakk ta’ siegħa ilu rriżulta f’talanqas 30 residenzi meqrudin fl-inħawi. Dan meta l-awtoritajiet kienu għadhom qed jikkalkulaw il-vera ammont tal-vittmi li mistennija jitilgħu.

Sar magħruf li fost il-vittmi fi Lviv hemm tfajla ta’ 21 sena, bl-awtoritajiet Ukreni jikkundannaw lir-Russja talli ‘qed joqtlulhom iħ-żgħażagħ li huma l-futur tal-Ukrajna’.

Dan waqt li s-servizzi għall-emerġenzi fi Lviv kienu qed jistinkaw biex jinstabu numru ta’ persuni nieqsa u li x’aktarx spiċċaw taħt il-munzelli tat-tifrik qalb il-komunitajiet ta’ Lviv li ġarrbu l-agħar tal-bumbardamenti.

Kollox jindika li r-Russja għandha tinsisti bl-istrateġija tal-gwerra li qed tibbaża fuq l-attakki kontinwi bid-drones u l-missili fuq l-ibliet tal-Ukrajna….Attakki li qegħdin jolqtu dejjem aktar miri ċivili u li fost oħrajn qed joħolqu l-blackouts fit-tul għall-ibliet Ukreni minħabba l-ħsarat kbar fl-infrastruttura.