Internazzjonali

Il-Libanu: Tensjoni ma’ Iżrael fost l-isparaturi

Il-militar ta’ Iżrael fetaħ baraxx bl-artillerija fid-direzzjoni tal-Libanu wara li kienet sparata missila lejn pajjiżu min-naħa t’isfel tat-territorji Lebaniżi.

Stqarrija tal-Iżraeljani qalet li l-missila splodiet viċin il-fruntiera ‘demarkata’ min-Nazzjonijiet Uniti bejn Iżrael u l-Libanu.Iz-zona partikulari tinsab fl-artijiet ta’ Iżrael  u hi magħrufa wkoll bħala ‘il-Linja Blu’.

Min-naħa tagħhom, il-Lebaniżi qalu li l-inħawi madwar il-villaġġi ta’ Kfar Shouba u Halta ntlaqtu minn xi 20 balla tal-artillerija. Dan waqt li l-ebda grupp tal-militanti fil-Libanu ma assuma responsabbiltà għall-isparatura tal-missila lejn Iżrael.

Il-qawwa Unifil (tan-Nazzjonijiet Uniti) għaz-zamma tal-paċi fil-Libanu, intant, ħeġġet biex Iżrael u t-Tmexxija Lebaniża jeżerċitaw il-kontroll u jevitaw azzjonijiet li kapaċi jeskalaw it-tensjoni mal-fruntiera komuni.