Il-President tal-Belarus, Alexander Lukashenk, ħareġ bl-istqarrija sorpriża li Yevgeny Prigozhin, il-kap tal-paramilitari mal-grupp Wagner, jinsab lura r-Russa – kuntrarju għal rapporti preċedenti li Prigozhin kien qed jgħix f’eżilju fl-artijiet tal-Belarus.
Prigozhin, ix-xahar li għadda, kien mexxa rvell fir-Russja fejn il-qawwiet tal-Wagner irnexxielhom javvanzaw sal-limiti ta’ Moska u fost indikazzjonijiet li t-Tmexxija fil-Kremlin kienet viċin ta’ kroll. Madankollu, l-irvell waqaf ħesrem permezz ta’ ftehim li d-dettalji tiegħu għadhom konfużi u fejn Prigozhin kien qabel li jitlaq lejn il-Belarus wara li spiċċa mgħajjar ‘traditur’ mill-President Russu Vladimir Putin.
Il-movimenti ta’ Prigozhin baqgħu misteru minn dakinar tal-irvell fir-Russja, iżda l-President Lukashenko tenna li l-Kap tal-Wagner qiegħed fil-belt ta’ San Pietruburgu ( u mhux fit-territorju tal-Belarus).
Sadanittant, il-media u s-sorsi oħrajn internazzjonali ma setgħux jivverifikaw jekk Prigozhin irritornax tassew lejn ir-Russja.
Dan waqt li Lukashenko qal li li għadha valida l-offerta biex il-grupp Wagner jistazzjona wħud mill-ġellieda tiegħu fil-Belarus – b’dan il-prospett qed jallarma bil-kbir lill-pajjiżi tan-NATO li jaqsmu fruntiera mal-Belarus u l-Ukrajna.
Intant, Alexander Lukashenko – li ilu jmexxi lill-Belarus bi stil dittatorjali mill-1994 — ma jemminx li r-rilokazzjoni tal-ġellieda tal-Wagner lejn pajjiżu tista’ iġġorr element ta’ sogru minħabba l-possibbiltà li huma, ‘il quddiem, jirvellaw (anki) kontra ll-Gvern ta’ Minsk.
//= $special ?>