Internazzjonali

Ix-Xatt tal-Punent: Potenzjal għal aktar rejds fuq il-militanti li qegħdin jheddu lill-Iżraeljani

Ir-residenti Palestinjani fil-belt ta’ Jenin jinsabu fuq allert sħiħ għal aktar aggressjoni minn Iżrael. Dan fost il-biża’ li l-aħħar rejd tal-qawwiet Iżraeljani hu biss il-bidu ta’ kampanja ta’ gwerra qalila fil-konfront tal-militanti li qed jikkontrollaw diversi bnadi tal-belt, minbarra ċ-ċentru kbir għar-refuġjati fl-istess zona.

L-Armata ta’ Iżrael f’nofs il-ġimgħa konkludiet wieħed mill-akbar attakki għal snin fuq il-gruppi tal-militanti f’dik il-parti tax-Xatt tal-Punent u fejn intużaw id-drones, il-vetturi armati u mewġa wara mewġa ta’ suldati fost il-battalji intensivi mal-militanti.

U l-kalma tal-aħħar sigħat f’Jenin kapaċi tkun biss sitwazzjoni termporanja,bil-Palestinjani kollha fl-inħawi jemmnu li l-kalvarju għalihom ma spiċċatx tassew.

Dan waqt li l-Gvern Iżraeljan għamilha ċara li se jkompli b’dawn l-azzjonijiet militari dment li ‘jibqa’ neċessarju li l-qawwiet tiegħu jeliminaw kull sors ta’ terroriżmu’ fix-Xatt tal-Punent.

Fil-fatt, għadu reali l-potenzjal ta’ attakki terroristiċi mill-militanti ta’ Jenin fuq iċ-ċivili fl-ibliet Iżraeljani — bit-Tmexxija ta’ Iżrael qed tieħu kull miżura biex tevita t-tixrid tad-demm f’artha.

Fl-istess ħin, il-gruppi tal-militanti f’Jenin huma daqstant ieħor determinati li jkomplu bl-attakki fl-artijiet ta’ Iżrael. Dan meta fil-jiem li ġejjin, gruppi bħall-moviment tal-militanti Hamas u l-Jihad Islamiku mistennija ‘jirreaġġixxu’ għall-attakki tal-Iżraeljani fuq Jenin.