Lokali Parlament

Il-gvern ma riedx l-inkjesta pubblika u l-vot; se jittieħed fit-12 ta’ Lulju 2023

Wara li l-gvern tal-Prim Ministru Robert Abela ressaq emenda fil-parlament biex ma ssirx inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, il-gvern ddeċieda li l-vot fuq din l-inkjesta ma jitteħdix fis-seduta tal-lum – kif dejjem sar – iżda se jittieħed flimkien ma’ voti oħra fit-12 ta’ Lulju 2023.

Din il-pożizzjoni l-gvern ħadha fi tmiem id-dibattitu parlamentari fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u wara li l-Oppożizzjoni, permezz tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, ressqet kontro-emenda għall-emenda tal-gvern biex issostni l-appell għal inkjesta pubblika.

Qabel beda d-dibattitu, ritratt ta’ Jean Paul Sofia li miet fi traġedja fit-3 ta’ Diċembru 2022 f’Kordin, tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra matul id-dibattitu fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li titlob inkjesta pubblika.

Fil-bidu tas-seduta tal-bieraħ, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar sellem lil Jean Paul Sofia u lill-familja li huma preżenti fil-parlament u talab il-permess tal-Kamra biex waqt id-dibattitu jitpoġġa ritratt ta’ JeanPaul Sofia fuq il-mejda tal-Kamra. Kien hemm qbil mill-gvern fuq din il-proposta.

Kien id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia li qara u ressaq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.

F’emenda għal din il-mozzjoni, il-gvern ppropona li peress li nfetħet inkjesta maġisterali dakinhar li seħħet it-traġedja, peress li hemm fiduċja f’din l-inkjesta, peress li l-inkjesta għadha mhix konkluża għalhekk il-parlament jikkundanna kull tip ta’ attakki fuq il-famila ta’ JeanPaul Sofia, jinsisti li l-inkjesta Maġisterjali tingħalaq, iħeġġeġ biex iżommu lill-familja aġġornati, jissaħħu l-inizjattivi ta’ saħħa u sigurtà fuq il-postijiet u tax-xogħol. Għalhekk ma ssirx inkjesta pubblika.