Futbol Sport

EURO 2023 U/19 – Il-Portugall fis-semi finali b’rebħa fuq l-Italja

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Neil Camenzuli

PORTUGALL……..5

ITALJA……………….1

Portugall: G.Ribeiro, G.Esteves (M.Fernandes 64’) , A.Ribeiro (L.Gomes 86’), G.Bras, M.Marques, N.Felix, C.Borges, G.Sa (J.Goncalves 64’),  R.Ribeiro (M.Fale 79’), S.Justo (D.Prioste 64’), H.Felix

Italja: D.Mastrantonio, F.Missori, I.Regonesi, L.Dellavalle, L.Hasa, C.N’dour (S.Vignato 90’), M.Kayode, L.Lipani, N.Turco (P.Esposito 61’) , N.Pisilli (L.Amatucci 61’) , L.Koleosho (L.D’Andrea 75’)

Imwissija:  L.Lipani 8’, L.Koleosho 72’ , L. D’Andrea 90’ (ITA), A.Ribeiro 42’, S.Justo 45’ (POR)

Tkeċċa: L.Lipani 43’ (ITA)

Skorjaw: L.Lipani 5’, (ITA),  R.Ribeiro 35’ , G.Sa 58’, G.Bras 69’, H.Felix 89’, J.Goncalves 90’ (POR)

Referee: Sven Jablonski (ĠER)

Assistenti Referees: Robert Kempter (ĠER), Aron Harsing (EST)

Il-Portugall avvanzaw għas-semi finali b’rebħa komda fuq l-Italja, bl-erba’ gowls fit-tieni taqsima ta’ Gustavo Sa, Gabriel Bras, Hugo Felix u Joao Goncalves jagħtu r-rebħa kruċjali għat-tim Portugiż wara t-tkeċċija tal-midfielder Taljan Luca Lipani fl-aħħar mumenti tal-ewwel taqsima.

L-Italja fetħu l-iskor wara biss 5 minuti logħob permezz ta’ daqqa ta’ ras b’saħħita ta’ Luca Lipani minn kross preċiż tal-attakkant laterali Hasa.

Ħames minuti wara kien imisshom il-Portugall sabiex jittantaw xortihom lejn ix-xibka, b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Nuno Felix ikklerjat tajjeb minn Kayode.

L-ewwel kwarta logħob pjuttost kalma bl-unika azzjoni denja ta’ nota tkun il-gowl kmieni tal-Azzuri, biż-żewġ timijiet iżommu l-pussess tal-ballun u jfittxu l-aħħar pass deċiżiv.

Kontrattakk veloċi mill-attakkant ta’ Sporting Lisbon, Rodrigo Ribiero li jirriżulta f’kross lejn in-nofs għal Samuel Justo, madankollu l-midfielder ma jolqotx il-ballun u d-difensuri Taljani jevitaw il-periklu.

Azzjoni oħra għall-Portugall fit-23 minuta minn kross tad-difensur laterali Esteves li jsib lil Carlo Borges fit-tarf tiegħu bl-attakkant jikkonkludi fil-baxx u jimpenja lil Mastrantonio, bil-goalkeeper ta’ Roma jsalva tajjeb.

Il-Portugall kisbu d-draw fil-35 minuta permezz ta’ xutt fil-baxx tal-attakkant prolifiku Rodrigo Ribeiro minn suġġeriment ta’ Carlos Borges mix-xellug.

Fit-43 minuta l-plejer li fetaħ l-iskor għat-Taljani Luca Lipani ntwera t-tieni karta safra tal-partita wara li kkometta foul fuq Hugo Felix, bit-Taljani jilagħbu t-tieni taqsima kollha b’10 plejers.

Sitt minuti miżjuda fl-ewwel taqsima ma rriżultaw fl-ebda azzjoni denja ta’ nota, biż-żewġ timijiet jitħlu għal ħin tal-mistrieh f’parità bilanċjata ta’ 1-1.

Il-Portugall komplew fejn ħallew fl-ewwel taqsima bl-isforz li jmorru fil-vantaġġ għall-ewwel darba fil-partita, hekk kif Gustavo Sa reġgħa ttanta xortih lejn ix-xibka ftit minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima, bil-konklużjoni tal-midfielder tgħaddi ftit barra.

Fit-53 minuta save impekkabli ieħor tal-goalkeeper Taljan Mastrantonio minn xutt potenti ta’ Goncalo Esteves.

Il-Portugall marru fil-vantaġġ fit-58 minuta permezz ta’ Gustavo Sa li għeleb lil Mastrantonio b’xutt mit-tarf tal-kaxxa minn pas preċiż tal-awtur tal-ewwel gowl Rodrigo Ribeiro.

Fis-66 minuta Mastrantonio għal darb’oħra joħloq save mill-isbaħ mid-daqqa ta’ ras ta’ Nuno Felix.

Il-Portugall irduppjaw l-iskor ftit minuti wara minn daqqa ta’ ras tad-difensur ċentrali Gabriel Bras minn korner mogħti minn Hugo Felix lejn it-tieni lasta, bid-difensur ta’ Porto jaqbez waħdu u jixħet ġewwa.

Fil-81 minuta l-Portugall b’azzjoni perikoluża oħra, bil-konklużjoni tas-sostitut Miguel Fale tgħaddi ftit barra minn suġġeriment ta’ Carlos Borges.

Il-Portugall isiġillaw ir-rebħa fid-89 minuta permezz tar-raba’ gowl skurjat mil captain Hugo Felix b’xutt fir-rokna ta’ fuq tal-lemin mit-tarf tal-kaxxa minn pass ta’ Goncalves.

Il-Portugall skurjaw il-ħames gowl tagħhom fid-90 minuta, b’din id-darba s-sostitut Joao Goncalves ikun l-awtur tal-gowl b’konklużjoni mill-isbaħ mil-lemin