Tifla ta’ tmien snin tilfet ħajjitha wara li vettura tat-tip Land Rover, misjuqa minn mara, baqgħet dieħla b’veloċità kbira fil-kumpless ta’ skola primarja f’Wimbledon, lejn il-lbiċ ta’ Londra.
Il-Pulizija, fil-preżent, qed tmexxi investigazzjoni fl-artijiet tal-iskola — jew Study Preparatory School — bl-awtoritajiet qed jitolbu lill-pubbliku biex ma jintilifx fi spekulazzjoni żejda waqt l-inkjesta dwar iċ-ċirkustanzi tal-każ.
Fl-istess ħin, l-uffiċjali tal-pulizija insistew li l-każ mhux qed ikun trattat bħala inċident terroristiku waqt li qed iħeġġu biex in-nies javviċinawhom b’xi informazzjoni li tista’ tkun utli għall-investigazzjoni.
Dan waqt li l-pulizija fl-aħħar sigħat kienu qed jinterrogaw numru ta’ xhieda li raw b’għajnejhom kif żvolġa l-inċieent.
Mifhum li talanqas żewġ persuni ttieħdu l-isptar wara li ntlaqtu mill-vettura misjuqa mill-mara ta’ 40 sena u li spiċċat arrestata fuq suspett li hi kienet qed issuq vettura bi traskuraġni u b’mod perikoluż ‘mingħajr l-ebda rispett għal ħadd’. Skont l-aħħar kalkuli weġġgħu talanqas sebat itfal fl-inċident.
Il-każ hu partikularment traġiku għaliex l-inċident kellu jseħħ fl-aħħar jum tal-iskola qabel jieqfu l-lezzjonijiet għall-btajjel tas-sajf