Lokali

Laqgħa taħraq tal-Grupp Parlamentari Laburista wara li Robert Abela m’attendiex biex jiġġustifika għala jridhom jivvutaw kontra li ssir Inkjesta Pubblika

Robert Abela naqas milli jattendi laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista li saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista ftit tal-ħin ilu bl-iskop li tiffinalizza l-pożizzjoni tal-Partit Laburista fuq il-Mozzjoni dwar Jean Paul Sofia.

Il-laqgħa fl-assenza ta’ Robert Abela tmexxiet minn Chris Fearne u Andy Ellul, iżda l-Membri Parlamentari Laburisti kienu maħsuda b’din l-assenza mhux prevista.

Fil-laqgħa kien deċiż li f’isem il-Gvern illejla jitkellmu biss Robert Abela, Jonathan Attard u Stefan Zrinzo Azzopardi.

Fil-laqgħa l-Membri Parlamentari Laburisti kienu mwissija biex iżommu mal-linja ta’ Robert Abela li ma jaċċettax li ssir Inkjesta Pubblika dwar it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia. Il-Membri Parlamentari Laburisti kienu mħeġġa wkoll biex jevitaw kuntatti mal-midja u biex saħansitra jinjoraw il-mistoqsijiet li jsirulhom.

Interessanti ferm kien in-nuqqas ta’ Stefan Zrinzo Azzopardi li suppost hu wiehed mill-Kelliema Laburisti fid-diskussjoni tal-lejla.

Kollegi tiegħu aċċennaw għall-fatt li Stefan Zrinzo Azzopardi f’konversazzjonijiet interni esprima nuqqas ta’ qbil mal-linja riġida ta’ Robert Abela li akkost ta’ kollox ma jridx li ssir Inkjesta Pubblika dwar it-traġedja ta’ Diċembru li għadda.

Jirriżulta fil-fatt skont kollegi ta’ Stefan Zrinzo Azzopardi li hu jaħsibha mod ieħor dwar din il-kwistjoni għaliex skont hu l-pożizzjoni ta’ Robert Abela la hi umana u wisq inqas tinżel tajjeb man-nies.