Lokali Parlament

Mument ta’ għaqda nazzjonali favur JeanPaul u wlied il-poplu Malti

Accept Analitiċi cookies to view the content.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlament li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni favur inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia hi mument ta’ għaqda nazzjonali favur JeanPaul, ommu u missieru u favur ulied il-poplu Malti.

Meta kien qed jagħlaq id-dibattitu fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni favur l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ JeanPaul Sofia li seħħet fit-3 ta’ Diċembru 2022 f’Kordin, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ikkwota dak li qalet Isabelle Bonnici meta sostniet li: “min hu mċappas bid-demm ta’ ibni għandu jkun accountable; aħna rridu nsibu n-nuqqasijiet li saru mill-bidu… għalhekk irirdu inkjesta pubblika. L-awtoritjaiet għamlu xogħolhom jew le?”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din l-omm qed tgħallimna xi tfisser reżiljenza. “Jien irrid risposti. Kieku saret inkjesta pubblika fil-każ ta’ Miriam Pace, l-affarijiet kien jitranġaw u forsi ibni ma mietx”, kienet qalet Isabelle Bonnici.

Bernard Grech qal li din it-tama tal-omm illum hi inutli, għaliex binha miet; imma li kieku saret inkjesta fil-każ ta’ Miriam Pace, illum forsi JeanPaul Sofia ma kienx ikun mejjet.

Bernard Grech kompla jikkwota minn dak li qalet Isabelle Bonnici meta qalet: “Se nerġgħu nagħmlu l-istess żball; biex ikun hawn iktar ulied imutu. Ma jistgħux jibqgħu isiru l-istess żbalji; jien ma rridx iktar imwiet fuq il-post tax-xogħol”.

Din hi n-nobiltà ta’ karba li qed titlob omm JeanPaul Sofia, li qed titlob bil-ħniena biex ma jmutux iktar tfal. Iżda l-Prim Ministru għandu qalbu kiesħa u tal-irħam, tant li meta kien qed jitkellem Mark Anthony Sammut, il-Prim Ministru qam isabbat u jgħid li ma jridx jagħmel inkjesta għaliex irid jibqa’ jimpika ma’ Isabelle Bonnici.

Bernard Gerch qal li l-Prim Ministru jaf li għandu x’jaħbi u għalhekk irid jibqa’ jdur. Hu sostna li l-Prim Ministru dam 40 minuta jitkellem bil-legaliżmi biex jipprova jikkonviċina kontra inkjesta pubbliċi. Il-Prim Ministru għajjar lill-Oppożizzjoni partiġġjana propju għaliex din tinsab mal-vittma.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li hemm bżonn li l-parlament ikun magħqud u għalhekk għandu jivvota favur ġustizzja sħiħa. Hu qal li 49 ħaddiema mietu fil-kostruzzjoni f’10 snin u appella biex ma jkunx hemm il-50 vittma.

Hu talab apoloġija lil Isabelle Bonnici għaliex il-parlament m’għamilx biżejjed biex binha jkun għadu ħaj. “Grazzi tal-eżempju tiegħek, tal-ispirazzjoni, tad-dedikazzjoni u ta’ kemm urejt kemm kapaċi tħobb omm. Il-ġlieda mhix biss għall-vittmi iżda wkoll għall-ġirien tas-siti tal-kostruzzjoni għaliex min għandu s-saħħa jibqa’ jirrenja”, sostna Bernard Grech, li kompla li l-ebda inkjesta maġisterjali mhu se toħroġ il-verità kollha biex ma jkunx hemm iktar imwiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-pulizija tista’ tinvestiga indipendentament mill-inkjesta maġisterjali iżda l-Prim Ministru qatt m’għamel appell lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga.

“Jeħtieġ issir ġustizzja u nkunu nafu l-verità u li omm u missier JeanPaul isibu konfort waqt li l-poplu jkun moħħu mistrieħ li ma jsirux iktar inċidenti”, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li l-vot tal-gvern hu kontra t-talba ta’ omm JeanPaul Sofia.

“Il-’le’ tal-gvern hi ‘le’ għal Isabelle, għal JeanPaul, għall-vittma li jmiss u għal ta’ warajh”, sostna Bernard Grech, li rrikonoxxa d-determinazzjoni ta’ Isaballe li qalet li mhux se taqta’ qalbha u li hi deċiża li se tibqa’ tiġġieled. “Isabelle aħna nwiegħduk li se nibqgħu niġġieldu miegħek; u jekk ma nagħmlux dan inkunu qed nonqsu lilek u lin-nazzjon. Dan hu mument ta’ għaqda nazzjonali favur inkjesta pubblika u favur il-ġid ta’ ulied il-poplu li tant inħobbu”, temm il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.