Sport Sport Ieħor

Powerboats: El Diablo jkompli jiddomina

Rodi Garganico, fl-Italja, kien il-bażi għall-flotta tal-powerboat Voomquest fit-tieni Grand Prix għall-istaġun 2023. It-tieni suċċess minn El Diablo – misjuq minn Clive Butler u Sammy Grima konfermati rebbieħa tat-tieni Grand Prix.

Team Cutting Edge 77 tilef l-ewwel tiġrija minħabba ħsara mekkanika li seħħet waqt it-tlielaq tal-prattika. El Diablo, Team Waistnot u Interceptor Remax temmew fl-ewwel tlett postijiet.

Fit-tieni ġurnata, Team Cutting Edge sewwew il-ħsarat li ġarrbu u fil-ftuħ tat-tellieqa Team Waistnot kienu fuq quddiem sal-aħħar dawra iżda minhabba ħsara mekkanika naqsu li jduru ma’ baga biex ġew penalizzati. Riżultat ta’ dan spiċċaw il-ġurnata fl-aħħar post. El Diablo approfitta u darb’oħra temm fl-ewwel post segwiti minn Team Interceptor Remax, u Team Marine Diffusion.

Drama għall-flotta, il-ġirja ta’ prattika tal-aħħar ġurnata temmet it-tiġrijiet ta’ Marine Diffusion meta inżul iebes fuq in-naħa tagħhom rat id-dgħajsa tinqaleb.

El Diablo temm it-tlielaq bla telfa. Team Waistnot temm fit-tieni post, qabel Team Cutting Edge. Diffikultajiet tekniċi mit-Team Remax Interceptor wasslu biex ma setgħux ilestu 70% tal-korsa kif stipulat mir-Regoli tat-tlielaq u biex ma ngħataw ebda punt.

It-tielet Grand Prix tal-Voomquest Enemed UIM Powerboat World Championships se jsir fit-28, 29, 30 ta’ Lulju fi Brindisi, l-Italja.