Il-Melita eliminat il-ħlas għar-roaming fl-Istati Uniti, hekk kif għadha kif estendiet iż-żona Roam Like at Home biex tkopri l-Istati Uniti tal-Amerika wkoll.
Is-servizz Roam Like at Home, li ilu żmien twil stabbilit fit-territorji tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit, jippermetti lill-klijenti li jużaw is-servizzi tal-mobile f’dawk il-pajjiżi bl-istess rati li jħallsu f’Malta.
Madankollu, din il-faċilità ma kinitx disponibbli f’pajjiż bħalma hu l-Istati Uniti, u bosta utenti tal-mobile kien ikollhom jieħdu ħsieb jużaw is-servizz tad-data tal-mobile bir-reqqa biex jevitaw li jtellgħu kontijiet kbar kull darba li jirfsu ‘l barra mill-Unjoni Ewropea. Flimkien mal-Istati Uniti, il-Melita daħħlet ukoll lill-Moldova fiż-żona Roam Like at Home.
Harald Roesch, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Melita Limited, qal: “Aħna dejjem naraw kif kontinwament intejbu l-livell għoli tas-servizz tagħna, u sodisfatti li issa l-klijenti tagħna jistgħu jikkonnettjaw ma’ kuntatti tax-xogħol, qraba u ħbieb anke waqt li jkunu fl-Istati Uniti, bl-istess rati daqslikieku kienu d-dar, f’Malta. Il-fatt li l-Istati Uniti huwa pajjiż kbir effettivament ifisser li rduppjajna d-daqs taż-żona Roam Like at Home.”
Apparti mill-estensjoni taż-żona Roam Like at Home, il-Melita se tnaqqas b’50 fil-mija ir-rati diġà baxxi tar-roaming f’xejn inqas minn 60 pajjiż ieħor. B’hekk, f’ċerti destinazzjonijiet imbiegħda popolari, bħat-Turkija u l-Emirati Għarab Magħquda, issa se jkun aktar affordabbli li tibqa’ f’kuntatt. It-tibdiliet kollha japplikaw minn issa sal-31 ta’ Marzu 2024.
//= $special ?>