Lokali Parlament

Robert Abela jibqa’ kontra inkjesta pubblika dwar JeanPaul Sofia; isejħilha “show”

Il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jopponi u joġġezzjona li ssir inkejsta pubblika dwar il-mewt ta’ JeanPaul Sofia li miet f’sit ta’ kostruzzjoni fit-3 ta’ Diċembru 2022.

Fil-parlament, il-Prim Ministru Robert Abela għamel apoloġija personali jekk fid-dibattitu jinstema’ li hu insensittiv. Hu qal li dan mhux dibattitu politiku u sostna li l-parlament irid jibgħat messaġġ favur li titwettaq ġustizzja b’riċerka għall-verità kompluta.

Dan mhux biss fuq dan il-każ iżda fuq il-każi kollha li jseħħu fuq il-postijiet tax-xogħol, sostna l-Prim Ministru, li kompla li l-mewt ta’ Sofia ma jistax jitħalla għaddej. “M’inix sodisfatt li għadu ma tressaq ħadd wara seba’ xhur”, sostna l-Prim Ministru, li qal li l-liġi tispeċifika terminu ta’ 60 ġurnata biex ittemm l-inkarigu tagħha.

Robert Abela qal li fil-każ ta’ Miriam Pace l-inkjesta ingħalqet wara xahar u ħamest ijiem u sostna li hu kiteb lill-Prim Imħallef biex jagħmel dak kollu possibbli biex l-inkjesta dwar JeanPaul Sofia tingħalaq kemm jista’ jkun malajr. Il-Prim Ministru sostna li ħadd mhu jgħatti għal xi ħadd ieħor u appella biex hekk kif tingħalaq l-inkjesta, l-Avukat Ġenerali għandu joħroġ l-akkużi.

Robert Abela kompla li llum, l-awtorità responsabbli mill-art f’Kordin bdiet proċeduri biex l-art tittieħed lura. Il-gvern jikkundanna l-attakki verbali li saru fuq il-familja ta’ JeanPaul Sofia. “Ma nieħux pjaċir li biex issir ġustizzja, l-familja ta’ JeanPaul Sofia qed ikollha tipprotesta”, sostna l-Prim Ministru, li qal li jemmen li l-inkjesta maġisterjali hi l-aqwa għodda.

Il-Prim Ministru qal li l-Oppożizzjoni trid biss tagħmel “show” u sostna li l-Istat jagħti r-riżorsi kollha lill-Maġistrat Inkwerenti f’din l-inkjesta. “Jien b’mod ġenwin se nkun wara l-familja”, sostna l-Prim Ministru, li żied li l-familja għandha tingħata informazzoni dwar kif inhu miexi l-proċess u meta se jingħalaq.

Robert Abela tkellem dwar il-proċessi ta’ regolamentazzjoni li l-gvern daħħal fis-settur tal-kostruzzjoni. Hu tkellem ukoll dwar l-obbligu tas-sidien tal-art, ta’ min ikun iwettaq ix-xogħlijiet u ta’ xi awtoritajiet li jistgħu jkunu responsabbli u qal li kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu.