Ikomplu joħorġu aktar stejjer dwar id-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet. Dan hekk kif issa sar magħruf li Steward Health Care tilfet każ fuq kont ta’ €36.8 miljun f’taxxi mhux imħallsa.
Steward kienet fetħet kawża ċivili kontra d-Diptartiment tat-Taxxa f’tentattiv biex skont hi, tingħata lura flus imħallsa żejda f’taxxa.
Il-każ kien infetaħ f’April li għadda, proprju xahar wara li l-Qorti kienet iddikjarat null u frawdalenti d-deal li kien sar ma’ Vitals u Steward… deal li seraq lill-poplu Malti u Għawdxi miljuni ta’ ewro.
Quddiem l-Imħallef Robert Mangion, Steward qalet li meta kienet ħadet ix-‘shares’ mingħand Vitals, kienet sabet numru ta’ anomaliji f’dokumenti relatati mal-VAT.
L-Imħallef qal li Steward qatt ma ħallset it-taxxa dovuta minn meta bdiet tamministra t-tliet sptarijiet fl-2018.
Fl-24 ta’ Frar li għadda, wara kawża li kien fetaħ id-Deputat Nazzjonalista Adrian Dalia, fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Francesco Depasquale ċanfar bil-kbir l-aġir ta’ Vitals u Steward kif ukoll lil min kien responsabbli mill-Gvern biex sar dan id-deal skandaluż.
Dakinhar l-Imħallef kien saħaq li ebda mill-milestones miftehma tal-obbligi li kellhom jilħqu Vitals Global Healthcare ma kienu ntlaħqu u minflok li l-Gvern ta’ Malta mar iħassar il-ftehim u jieħu lura l-proprjetajiet… b’mod deskritt mill-Qorti stess, mill-aktar inkredibbli – fit-30 ta’ Ġunju 2017 – ċeda għal kollox u aċċetta t-tibdil fil-ftehim ma’ Vitals. Fejn wara li ma laħqux l-obbligi mid-dati stipulati – il-Gvern ikkonċedilhom 3 snin oħra u iżjed minn hekk estensjoni awtomatika ta’ sena u nofs oħra.
Għaldaqstant il-Qorti kienet iddikjarat fost oħrajn li kemm Steward kif ukoll Vitals kisru l-obbligi tagħhom u għaldaqstant ordna li jitħassar u jannulla l-konċessjoni… u li dan kien deal frawdalenti.
Sal-ġurnata tal-lum, il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma fetaħx kawża kontra Vitals u Steward sabiex jagħtu lura l-flus kollha li nsterqu mill-poplu Maltin u Għawdxi… total ta’ iktar minn 400 miljun ewro.
//= $special ?>