Lokali

Titnieda kampanja ta’ għarfien dwar il-periklu tas-sigaretti tal-kuntrabandu

Id-Dipartiment tat-Taxxa flimkien mad-Dwana Maltija, ngħaqdu flimkien sabiex tinħoloq kampanja ta’ għarfien dwar is-sigaretti tal-kuntrabandu, hekk kif sal-lum ħafna għadhom ma jafux id-distinzjoni bejn sigaretti legali u dawk li jkunu nħadmu b’mod illegali. Iktar dettalji fis-servizz li jmiss

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Ħamis filgħodu quddiem il-bini tal-Parlament, tnediet kampanja edukattivi sabiex titqajjem aktar kuxjenza dwar il-periklu tal-kuntrabandu.  

Fid-diskors tiegħu, il-kummissarju tat-taxxa u d-dwana Joseph Caruana saħaq li minn żmien għal żmien, l-amminsitrazzjoni taħdem biex twassal kampanji edukattivi lill-poplu biex ikun konxju ta’ x’qed iseħħ madwaru u x’inhuma l-konsegwenzi jekk issir evażjoni tat-taxxa.

Sostna li kampanja bħal dawn huma meħtieġa sabiex jintlaħqu ċ-ċittadini kollha, filwaqt li jiġu spjegati aħjar il-perikli u l-konsegwenzi tal-konsum jew bejgħ ta’ sigaretti tal-kuntrabandu.

Statisika uffiċjali turi li mis-sena l-oħra sal-lum, mill-każi ta’ qbid ta’ sigaretti tal-kuntrabandu, l-amministrazzjoni rnexxielha tiġbor total ta’ iktar minn 72,000 ewro minn dazji ta’ importazzjoni, multi u VAT dovut.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Christopher Magri sostna li d-Dwana għandha l-għan li tissalvagwardja l-finanzi tal-Gvern u huwa għalhekk li wieħed għandu joqgħod attent li l-prodott li jkun qed jixtri, tkun qed titħallas taxxa fuqu.

Filwaqt li qal li s-sigaretti mhumiex tajbin għas-saħħa, dawk is-sigaretti tal-kuntrabandu huma iktar ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem, dan peress li jiġu manifatturati f’ambjenti illegali f’kundizzjonijiet ħżiena ta’ sanità.

Christoper Magri semma ħames sinjali li wieħed jista’ jinnota fuq il-pakkett tas-sigaretti sabiex jiddefenixxi jekk hux legali jew le. Dawn huma, li jkun hemm l-avviż tas-saħħa fuq il-pakkett bil-Malti jew bl-Ingliż, li jkun hemm imniżżla l-helpline biex wieħed jieqaf ipejjep, ikun hemm stampa grafika, bolla tas-sisa u kodiċi QR, kif ukoll li l-pakkett tas-sigaretti jkollu numru ta’ identifikazzjoni uniku.

Jekk persuna jkollha pakkett tas-sigaretti li ma jkunx fih waħda jew iktar minn dawn il-ħames sinjali, għandha tirraporta b’mod unanimu fuq il-helplin 2378 3888.      

Apparti dan, il-pubbliku qed ikun imħeġġeġ biex jirraporta lill-awtoritajiet kull attività illegali li twassal għall-evażjoni tad-dazju tas-sisa biex b’hekk tkun salvagwardjata kemm is-saħħa tal-popli kif ukoll id-dħul tal-Gvern.

L-għan aħħari tad-Dwana huwa li dak kollu li jasal f’pajjiżna ikun ġust u sigur, sabiex finalment ikunu protetti ċ-ċittadini u s-soċjeta inġenerali.

Taqsima kruċjali ferm fi ħdan id-Dipartiment tad-Dwana fil-qbid ta’ affarijiet illegali hija t-taqsima tal-klieb, fejn bħalissa hemm seba’ klieb imħarġa għal dan ix-xogħol.

Id-Dwana f’dawn l-aħħar snin żdiedet il-multi għal dawk li jinqabdu jimmanifatturaw, jimportaw, ibigħu jew anke jikkonsmaw sigaretti tal-kuntrabandu għal aktar minn 25,000 ewro u possibiltà ta’ sentenza ta’ ħabs.