Internazzjonali

UKRAJNA: Erbgħa maqtula f’attakk fuq Lviv mir-Russi

Ritratt: Reuters

Attakk ta’ missili mir-Russi li laqat bini ta’ appartamenti f’Lviv, l-Ukrajna, rriżulta fil-qtil ta’ mill-inqas erba’ persuni filwaqt li ndarbu 32 oħra.

Is-Sindku tal-belt iddeskriva dan l-attakk bħala wieħed mill-akbar attakki li seħħew fuq l-infrastruttura ċivili ta’ Lviv.

L-attakk ikkawża ħsarat sinifikanti f’bosta bini, inkluż skola u dormitorji universitarji. L-isforzi ta’ salvataġġ għadhom għaddejjin hekk kif aktar nies jistgħu ikunu maqbuda taħt it-terrapien.

L-attakk huwa parti minn sensiela ta’ attakki fatali ta’ missili u drones mir-Russja fuq bliet Ukreni….ħafna drabi fil-mira taċ-ċivili. Fil-fatt ġimgħa ilu, fi Kramatorsk, belt tal-Lvant qrib iż-żoni tal-Ukrajna okkupati mir-Russi, tlettax-il persuna, inkluż tfal, tilfu ħajjithom meta ristorant u stabiliment kummerċjali kienu fil-mira ta’ attakki.