Lokali Parlament

“Appell ġenwin għall-għaqda nazzjonali sabiex toħroġ il-verità”

“Kienet diżappuntanti l-attitudni tal-Prim Ministru li jibqa’ jopponi Inkjesta Pubblika fil-każ ta’ Jean Paul Sofia. Iżda jien xorta qed nibqa’ nappella sabiex f’dan il-mument tirrenja l-għaqda nazzjonali.”

Hekk stqarr ma’ Net News il-Kap tal-PN Bernard Grech, eżatt kif ħareġ mill-Parlament wara d-dibattitu tal-Ħamis – fejn il-membri Parlamentari ddiskutew l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni sabiex tinħatar Inkjesta Pubblika, u ssir ġustizzja.

Fuq barra tal-Parlament kien hemm Isabelle Bonnici, omm dan iż-żagħżugħ, illi rringrazzjat lill-membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni illi qed jappoġjaw din is-sejħa tagħha sabiex toħroġ il-verità kollha. Bil-vot fuq il-mozzjoni, issa, se jittieħed nhar l-Erbgħa li ġej.

Intant, waqt li kien għaddej id-dibattitu fil-Parlament, ikkummenta wkoll l-eks PM Lawrence Gonzi, b’messaġġ fuq il-media soċjali.

Hu insista illi l-mewt ta’ Jean Paul Sofia ma tistax tibqa’ għadejja qisu qatt ma kien xejn. Għalhekk ma jistax jifhem l-atteġġjament tal-Gvern Ii donnu nesa kif jittratta man-nies.

Lawrence Gonzi insista illi m’għandux għalfejn isir xi sforz speċjali biex wieħed jifhem l-uġieħ li għaddejja minnu omm Jean Paul. U żgur li kullħadd – Laburist jew Nazzjonalist – taqbdu għafsa ta’ qalb quddiem din it-traġedja.

Lawrence Gonzi qal illi għandha raġun din l-omm titlob Inkjesta Pubblika. U staqsa x’fiha li wieħed jeżiġi li toħroġ il-verità, jekk m’hemm xejn x’taħbi!