Lokali

“Il-PN se jibqa’ jaħdem biex toħroġ il-verità kollha dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia”

Iktar minn 7 xhur ilu, Jean Paul Sofia tilef ħajtu f’sit ta’ kostruzzjoni f’Kordin. B’Isabelle Bonnici kienet għamlet talba biex issir Inkjesta Pubblika biex toħroġ il-verità dwar dan il-każ u b’hekk ma narawx traġedja oħra bħal din isseħħ.

Il-Partit Nazzjonalista ħass li għandu jingħaqqad mas-sejħa ta’ din l-omm għax ra li l-pajjiż jistħoqlu li jkun jaf il-verità kollha.

Iżda Robert Abela qed jibqa’ jgħid li Inkjesta Pubblika mhix meħtieġa… anke meta ħareġ ċar li wara li titlesta l-Inkjesta Maġisterjali se jkun hemm numru ta’ mistoqsijiet li ma jistgħux jiġu mwieġba jekk mhux permezz ta’ Inkjesta Pubblika.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech intqal kif Inkjesta Pubblika hi fl-interess ta’ kull individwu biex nitgħallmu dwar x’sar ħażin.

“Għax rasu iebsa u għax ma jridx jgħid hux qed jipproteġi lil xi ħadd, intilef jgħidilna li Inkjesta Maġisterjali hi biżżejjed, u qed jattakka lill-Maġistrat għax din għadha mhix lesta. Dan hu l-Prim Ministru ta’ pajjiżna.”

Bernard Grech qal li Robert Abela tant jinsab taħt pressjoni dwar dan il-każ li spiċċa jara f’min se jwaħħal… xi ħaġa li qed turina li hu Prim Ministru dgħajjef li ma jimpurtahx mill-ħtiġijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.

“Jekk Robert Abela irid li naraw il-vittmi, jien nibqa’ nipproteġi lil min m’għandux vuċi”

Il-Kap tal-PN wiegħed li se jkompli jaħdem biex jassigura li l-verità kollha toħroġ filwaqt li appella biex dawk kollha responsabbli jassiguraw li ssir ġustizzja, b’mod speċjali l-Kummissarju tal-Pulizija.

“Dan huwa pajjiż fejn is-saltna tad-dritt mhix tirrenja għall-ġid ta’ uliedna.”

Bernard Grech fakkar lill-Prim Ministru Robert Abela li kull investigazzjoni dwar dan il-każ hi meħtieġa biex ma narawx iktar vittmi fuq il-post tax-xogħol u fil-ħajja ta’ kuljum.

“Prim Ministru. Mintiex timpika miegħi jew mal-Oppożizzjoni iżda ma’ omm Jean Paul Sofia u mal-vittmi kollha li kelna f’dan il-pajjiż.”

Minkejja li l-vot, kif normalment isir, kellu jittieħed eżatti wara d-dibattitu li sar fil-Parlament nhar l-Erbgħa… il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jtawwal iż-żmien ta’ meta għandu jittiehed dan il-vot… bħallikieku għandu xi ħaġa x’jaħbi filwaqt li jkompli jonqos lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.