L-armla u bint Albert Brian Rosso, li sparixxa fl-2005, ressqu proċeduri ġudizzjarji biex iżommu lill-awtoritajiet responsabbli għan-nuqqas riċenti tagħhom li jikkundannaw żewġt irġiel li kienu stqarrew li qatlu lil Rosso.
Iż-żewġ nisa ppreżentaw protest ġudizzjarju tliet ġimgħat wara li Anthony Bugeja u Piero Di Bartolo ġew illiberati minn ġurija li qatlu lil Rosso. It-teżi tal-prosekuzzjoni dejjem kienet li Rosso ta’ 48 sena minn Marsaxlokk, inqatel b’tiri f’raħal twelidu fl-10 ta’ Ottubru, 2005, barra dar ta’ Anthony Bugeja, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil tiegħu.
Il-prosekuturi qalu li l-qtil ta’ Rosso kien konness ma’ tilwima dwar bastiment tas-sajd proprjetà ta’ Rosso u Bugeja u li fuqu ħadem ukoll Di Bartolo. Waqt li kienu interrogati mill-pulizija, iż-żewġ imputati kienu stqarru t-tnejn separatament li sparaw lil Rosso u li xeħtu ġismu fil-baħar.
Fuq dgħajsa, akkumpanjati minn spettur tal-pulizija u avukat, kienu saħansitra wrewhom l-inħawi fejn il-katavru, flimkien ma’ oġġetti tqal bħal ġebel u ‘bricks’, kien intefa’ f’ilmijiet fond ta’ 100 metru. Għalkemm il-liġi kif kienet dak iż-żmien ma tatx lis-suspettati d-dritt li jkunu assistiti waqt l-interrogazzjoni, id-dikjarazzjonijiet inkriminanti li ħarġu bħala riżultat kellhom jitneħħew mill-provi, fid-dawl ta’ bidliet leġiżlattivi sussegwenti.
Il-ġurija li lliberat lill-irġiel qatt ma ma kellha l-ebda aċċess tad-dikjarazzjonijiet, u lanqas l-istqarrijiet ma setgħu jissemmew waqt il-proċess. Għaldaqstant ma kinitx sorpriża, li 18-il sena wara li Rosso, fejn il-katavru tiegħu qatt ma ġie rkuprat, li l-ġurati kienu sabu lill-akkużati mhux ħatja tal-qtil u l-kompliċità fih għaliex ma kien hemm l-ebda prova tanġibbli.
Il-protest ġudizzjarju mressaq kontra l-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija jindika d-dewmien biex l-irġiel jitressqu quddiem il-qorti, flimkien ma’ nuqqasijiet oħra fl-investigazzjoni u fl-immaniġġjar tal-proċeduri fil-qorti kienu li wasslu għall-liberazzjoni tal-irġiel. Dawn il-fatturi, flimkien mal-bidla fil-liġi dwar interrogazzjonijiet mhux assistiti, li ġiet introdotta ħafna wara li seħħ id-delitt wasslu għal dan kollu.
Dawn l-azzjonijiet, sostnew l-avukati Stefano Filletti, Eve Borg Costanzi u Nicole Galea, fissru li l-Istat kien kiser id-dritt għall-ħajja minqux fil-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan id-dritt, jargumentaw l-avukati, mhux biss jipprojbixxi lill-Istat milli jieħu l-ħajja u jipproteġi lill-ħajjin, iżda jimponi wkoll dmir fuq l-Istat li jinvestiga “malajr u b’veloċità raġonevoli” meta jseħħ qtil.