Internazzjonali

L-Ukrajna: Fiduċjużi li r-Russi jċedu taħt il-pressjoni…iżda l-kontro-offensiva għandha titqies f’termini ta’ ‘maratona’

Il-kontro-offensiva tal-qawwiet Ukreni li qed jippruvaw ikeċċu lill-Armata Russa mill-artijiet tal-Ukrajna issa għalqet xahar, fost id-diversi perspettivi dwar l-ewwel fażi ta’ din il-kampanja militari.

It-telf ta’ ħajja fuq iż-żewġ naħat kien evidenti f’dawn il-ġimgħat u meta l-Ukreni setgħu jagħmlu xi avvanzi grazzi għall-armamenti moderni provduti lilhom mill-Punent. Dan ukoll meta huma qed jittamaw li l-ġranet li ġejjin jirriżultaw fi żblokk deċiżiv li jħalli effett permanenti għal din il-gwerra.

Sadanittant, il-qawwiet Russi għadhom qed jikkonsolidaw id-difiżi madwar numru ta’ bliet Ukreni li qegħdin jokkupaw iżda – kuntrarju għall-kontenut tal-bullettini regolari mill-Kremlin – it-truppi ta’ Vladimir Putin qegħdin iħossu sew il-pressjoni fuq diversi fronti tal-gwerra; bl-istrateġiji tal-Ġenerali Ukreni jidhru li qed iwittu t-triq għal suċċessi militari sinifikanti ‘ll quddiem.

Numru ta’ esperti barranin li qed isegwu l-iżviluppi tal-kontro-offensiva, fil-fatt, qablu li l-kampanja militari tal-Ukreni miexja ‘skont il-pjan’ – iżda wissew ukoll li ħadd ma għandu jistenna riżultati immedjati. Dan għaliex il-kampanja militari għandha titqiesa aktar f’termini ta’ ‘maratona’ – speċjalment minħabba li r-Russi huma determinati li jibqgħu fil-kontroll tal-artijiet li ħadu.

Il-front tal-gwerra ewlieni effettivament iġebbed għal aktar minn 1,000 kilometru mill-kosta tal-Baħar l-Iswed sal-fruntiera lejn il-lbiċ tal-Ukrajna  li tmiss mar-Russja.

Intant numru ta’ analisti militari prominenti fil-Punent, fosthom Ġenerali bħal Sir Tony Radakin, li jikkmanda lill-qawwiet tar-Renju Unit, qalu li l-kontro-offensiva kellha bidu sodisfaċenti waqt li huma ottimisti li d-difiżi tar-Russi mhumiex se jifilħu aktar għall-pressjoni ‘fi kwistjoni ta’ ġimgħat jew xhur’.

F’każ li r-Russi jkunu kostretti li jirtiraw, ma jkun hemm xejn milli jżomm lill-militar Ukren milli jaħtaf lura territorji strateġiċi u sinifikanti tal-Ukrajna u fejn ikun eħfef għalihom biex javvanzaw sat-tarf tal-Penisola tal-Krimea, li r-Russja kienet ħatfet lill-Ukreni matul ir-rebbiegħa tal-2014.

Għall-Ġenerali, din il-kampanja tibbaża l-aktar fuq ‘sens ta’ sabar u ippjanar bir-reqqa’. Intant, wieħed irid iqis ukoll li n-nuqqas ta’ qawwiet tal-ajru jfisser li l-Ukreni ma jistgħux ‘jeqirdu malajr’ is-sistemi għal appoġġ lill-militar Russu u li jinkludu r-rotot għat-trasport tal-provvisti u munizzjon flimkien mad-diversi ċentri tal-kmand tal-Armata tal-Kremlin,

Għaldaqstant, il-qawwiet Ukreni qed jużaw il-missili bażati fl-art biex jolqtu lill-aktar ċentri sensittivi tal-qawwiet Russi fl-Ukrajna — filwaqt li jippersistu bl-attakki minn diversi direzzjonijiet fuq id-difiżi tal-għadu bil-għan li jeqirdu kemm jistgħu mill-kapaċitajiet militari tal-Armata ta’ Putin.