“F’dan il-pajjiż sirna l-ewwel hu u ta’ madwaru u l-kumplament tal-poplu jieħu t-tilqit. Aħna minsijin mill-Gvern.”
Kien dan il-kliem illi qalilna dan ir-raġel li jinsab bla saqaf fuq rasu u ilu jgħix din ir-realtà kerha għal madwar sentejn u nofs. Flimkien ma’ din il-persuna hemm erba’ anzjani oħra li xemx u xita qed jgħixu barra fit-triq.
F’intervista ma’ Net News dan ir-raġel spjegalna li bħalissa m’għandu l-ebda dħul għaliex il-Gvern ma joffri l-ebda għajnuna meta wieħed ma jkollux indirizz fiss. Hawnhekk, huwa spjega li ġieli għamlu ġimgħa sħiħa bla ikel u xi drabi jirnexxielhom jieklu meta jgħinu lil xi nies f’xi biċċa xogħol.
Barra minn hekk huwa qal li jinsab ferm inkwetat għall-anzjani li hemm miegħu għaliex jibża’ li xi darba jqum u jsibhom bla ħajja. Dawn in-nies jinsabu f’qagħda mill-aktar dgħajfa hekk kif huwa evidenti li dawn in-nies mhumiex qed jieklu biżejjed.
Hu qalilna li l-Gvern mhux jagħti kas li dawn jinsabu bla saqaf fuq rashom, u ma jafux x’se jiġri minnhom.
Apparti minn hekk, il-lejl huwa aktar kiefer għaliex il-Pulizija jmorru fuqhom wara sagħtejn u jgħidulhom li jridu jiċċaqalqu minn posthom – u għalhekk lanqas biss jistgħu jkollhom lejl ta’ mistrieħ.
Din hija r-realtà li qed jaffaċċjaw numru ta’ persuni f’pajjiżna illi spiċċaw bla dħul; jgħixu f’ambjent abbandunat b’detriment kbir għal saħħithom.
L-aħħar statistika maħruġa mill-NSO turi li f’Malta bħalissa hawn xejn anqas minn 100,000 li m’għandhom dħul diċenti u li jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni soċjali.
//= $special ?>
