64% tan-nies li jfittxu l-għajnuna sabiex jegħlbu vizzju kibru f’ambjent fejn il-ġenituri tagħhom ibatu minn xi vizzju.
Dan intqal waqt konferenza organizzata mill-Fondazzjoni OASI bit-titlu ‘It-Tfal u l-Addiction’…fejn il-Kap Eżekuttiv ta’ OASI Noel Xerri saħaq li din il-fondazzjoni qatt ma riedet li dawn in-nies jispiċċaw il-ħabs kaġun tal-vizzju tad-droga.
Kien propju għalhekk li l-OASI flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħra opponew il-liġi tal-kannabis minħabba l-protezzjoni għat-tfal għaliex il-liġi tippermetti t-tkabbir tal-pjanta tal-kannabis fid-djar. Xerri rrimarka l-ħtieġa għal aktar riċerka sabiex inkunu nafu x’qed jiġri fis-soċjetà tagħna għaliex it-tfal huma l-futur ta’ pajjiżna.
Barra minn hekk, waqt din il-konferenza tkellmu diversi esperti li spjegaw l-impatt negattiv fuq it-tfal meta l-ġenituri jbatu mill-vizzju tad-droga. Fost l-oħrajn, dawn jistgħu jaffaċċjaw problemi finanzjarji jew saħansitra jispiċċaw bl-istess vizzju li jwasslu għal impatt negattiv ferm akbar.
Intqal ukoll li f’pajjiżna għad hawn stigma madwar it-tiftix għal għajnuna u għalhekk numru kbir ta’ nies qed jispiċċaw idumu ħafna aktar sabiex jegħlbu l-vizzju tagħhom.
Waqt id-diskors tiegħu permezz ta’ filmat li xxandar f’din il-konferenza, il-President ta’ Malta George Vella irrimarka fuq l-importanza li nirrikonoxxu li meta persuna tbati minn vizzju n-nies ta’ madwarha wkoll ikunu affetwati b’mod speċjali t-tfal. U għalhekk bħala soċjetà irridu nuru l-empatija ma’ kull individwu.
Preżenti wkoll għal din il-konferenza kien hemm id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illi qal li din ir-realtà hija ferm kumplessa u m’hemmx soluzzjoni waħda biss sabiex wieħed jegħleb il-vizzju.
Minn naħa tiegħu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista David Agius saħaq fuq l-importanza li tingħata anke għajnuna lill-familja meta membru ibati mill-vizzju tad-droga.
//= $special ?>