Lokali

Appell għal aktar infurzar f’sewqan taħt l-effett tad-droga

Il-problema tad-droga f’pajjiżna qed tkompli tikber jum wara l-ieħor dan minħabba li fil-liġijiet ta’ pajjiżna hemm diversi nuqqasijiet fost l-oħrajn minħabba li s-sewqan taħt l-effett tal-alkoħol u tad-droga huma trattati fuq l-istess livell.

Dan ħareġ minn postion paper ippubblikat f’isem diversi organizzazzjonijiet fosthom Doctors for Road Safety, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatri kif ukoll The Foundation for Social Welfare Services.

F’dan id-dokument intqal li mhuwiex ċar kemm huwa komuni s-sewqan taħt l-effett tad-droga dan għaliex f’pajjiżna qatt ma sar studju li jiffoka fuq dan is-suġġett.

Barra minn hekk, fid-dokument ingħad li l-liġi ta’ pajjiżna tindirizza aktar il-problema tal-alkoħol filwaqt li d-droga bilkemm tissemma.

Minn naħa l-oħra l-leġislazzjoni tgħid li sabiex isir test għad-droga u l-alkoħol irid ikun hemm suspett qawwi li s-sewwieq qiegħed isuq taħt l-influwenza. Dan ifisser li din tipprevjeni lill-Uffiċjali biex jagħmlu testijiet spontanji u roadblocks. Iżda preżentament qed isiru diskussjonjiet sabiex din tiġi emendata.

Dan id-dokument jipprovdi wkoll rakkomandazzjonijiet ta’ kif tista’ titjieb il-liġi fosthom fuq il-fatt li jkun hemm definizzjoni ċara ta’ sewqan taħt l-effett tad-droga u x’jaqa taħt dan it-terminu.

Irrakomandaw ukoll li jkunu allokati riżorsi sabiex isir studju dwar is-sewqan taħt l-effett tad-droga f’pajjiżna kif ukoll isir aktar taħriġ kif ukoll ikun hawn aktar uffiċjali preżenti fit-toroq ta’ Malta. Li jsiru aktar testijiet bil-breathalyzer għall-alkolħol u testijiet oħra għad-droga.

Fil-liġi ma tissemmiex żieda fil-penali meta wieħed jinqabad isuq taħt l-influwenza tad-droga psikoattiva kif ukoll taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Fid-dokument l-organizzazzjonijiet aċċennaw li dawn in-nuqqasijiet fil-legislazzjoni ta’ pajjiżna qed jikkontribwixxu għaż-żieda tal-problema tad-droga kif ukoll appellaw lill-awtoritajiet sabiex jieħdu azzjoni b’mod immedjat u tkun indirizzata din il-problema biex jkollna toroq aktar siguri f’pajjiżna.