Lokali

Evita din il-bajja minħabba żbroff tad-drenaġġ

Skont id-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza għas-Saħħa Pubblika javża li sakemm joħroġ avviż ieħor mhux rakkomandat li jsir għawm fil-Bajja tax-Xemxija (kif indikat fir-ritratt) minħabba żbroff tad-drenaġġ li affettwa l-kwalità tal-ilma tajjeb għall-għawm. Dan qed iwassal għal riskju għas-saħħa tal-għawwiema.

L-uffiċjali qed jinvestigaw biex jiddeterminaw is-sors tal-kontaminazzjoni filwaqt li avża li t-tul tal-kontaminazzjoni ma jistax jiġi mbassar f’dan l-istadju.

Tabelli li jindikaw iz-zona ġew imwaħħla fis-sit. Meta l-kwalità terġa’ tkun tajba t-tabelli se jitneħħew u l-pubbliku jiġi avżat li s-sit huwa mill-ġdid tajjeb għall-għawm.

Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq numru tat-telefon – 2133 7333 mit-8:00 ta’ filgħodu sas-2:30 ta’ waranofsinhar jew jibgħat email fuq wrau.ehd@gov.mt.