Kultura Lokali

Il-25 edizzjoni tal-Malta Fashion Week

Bejn it-3 u s-7 ta’ Lulju saret il-Malta Fashion Week… ħamest ijiem ta’ ċelebrazzjoni tal-moda li taw opportunità sabiex disinjaturi lokali kif ukoll internazzjonali, stabbiliti u anke dawk ġodda, jesponu t-talenti tagħhom. Bil-qofol jintlaħaq fl-10 ta’ Lulju meta dakinhar issir is-serata tal-Malta Fashion Awards.

L-edizzjoni ta’ din is-sena fakkret il-25 anniversarju mill-bidu ta’ dan l-avveniment… snin li matulhom rajna żvilupp enormi fl-industrija tal-moda f’pajjiżna.

Il-Ġnien tal-Biskuttin li jinsab viċin Pjazza Tritoni u l-inħaw tal-madwar inbidlu f’passarella enormi għall-mudelli fi sfond mill-ibaħ għal dan l-ispettaklu ta’ moda.

Dan l-avveniment ta’ kull sena jkun mistenni minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-moda… fejn matul dawn il-jiem wieħed seta’ jassisti għal disinji varji ta’ lbies… bit-tema prinċipali tkun ibbażata fuq kuluri vibbranti b’disinji innovattivi u b’taħlit kulturali mis-settur tal-moda.

Id-disinjaturi kellhom l-opportunità li juru x-xgħolijiet tagħhom fejn amalgamaw flimkien it-teknika tradizzjonali ma’ elementi kontemporanji. Apparti dan kien hemm ukoll kollezzjoni vażta ta’ ġojjellerija, fejn hawn ukoll, ngħaqdu flimkien l-element tradizzjonali ma’ dak modern.