Iż-żieda fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna hija frott id-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Gvern Laburista; l-istess bħad-deċiżjoni tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija – pass li spiċċa tappan ir-reputazzjoni ta’ Malta.
Hekk stqarr l-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi f’intervista li saritlu s-Sibt filgħodu mill-Professur Andrew Azzopardi.
Lawrence Gonzi tkellem dwar iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna – politka li ħaddem Gvern Laburista fl-aħħar snin, u llum il-ġurnata qed tħalli l-impatt tagħha fuq bosta aspetti tal-ħajja tagħna; mit-traffiku għat-telqa fil-lokalitajiet, mis-swali mimlija fl-isptar għad-dewmien biex tingħata appuntament.
L-eks Prim Ministru fakkar kif fl-aħħar snin ittieħdu deċiżjonijiet li tappnu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna; fosthom il-bejgħ taċ-ċittadninanza Maltija. Lawrence Gonzi sostna li din id-deċiżjoni waslet ukoll għal riperkussjonjiet oħra.
Dwar il-każijiet ta’ korruzzjoni li qed nisimgħu bihom taħt dan il-Gvern, Lawrence Gonzi qal li dawn huma affarijiet li wkoll kissru l-fama ta’ pajjiżna.
Meta kien qed jitkellem dwar il-proġett fid-daħla tal-Belt Valletta – li biddel wiċċ il-kapitali – Lawrence Gonzi qal li l-pjan sħiħ kien wieħed li jagħti ġieħ lill-Belt. Fejn Gvern Nazzjonalista dejjem kellu għal qalbu l-Belt Valletta… iżda llum il-ġurnata, sfortunatament, l-affarijiet inbidlu.
Dwar l-immigrazzjoni, fakkar illi huwa dover tagħna li meta jkun hemm persuni li ħajjithom tkun f’riskju, dawn jiġu salvati. U saħaq li l-Gvern li qed jittradixxi l-valuri li pajjiżna jemmen fihom.
Fl-intervista l-eks Prim Ministru qal li permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea Malta laħqet livell Ewropew f’bosta setturi – fosthom biż-żieda tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, fis-settur tal-avjazzjoni u fil-qasam finanzjarju. Qal ukoll illi d-dħul fiz-zona ewro, kien pass kruċjali ferm għal pajjiżna li wassal biex l-ekonomija ta’ tissaħħaħ u biex nagħmlu suċċess.
//= $special ?>