Lokali

Jeħtieġ li titkompla l-ħidma għall-ugwaljanza tal-ġeneru

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, l-ADPD laqgħet id-dikjarazzjoni tal-missjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa u l-Bniet f’Malta ppreżentata lbieraħ.

Fi stqarrija, saħqet fuq l-impenn għall-ugwaljanza tal-ġeneru u l-ġustizzja fejn intqal li l-kwistjonijiet politiċi li jolqtu lin-nisa u l-bniet baqgħu stigmatizzati għal żmien twil wisq u huwa tajjeb li perjodikament jiġi eżaminat ftit kif iħarsu lejna pajjiżi oħra.

L-istqarrija tkellmet dwar kif il-mekkaniżmu korrettiv tas-sessi tfassal sempliċiment biex iżid is-siġġijiet fil-Parlament, aktar milli jindirizza direttament in-nuqqas ta’ rappreżentanza ugwali fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Ingħata aċċenn ukoll fuq l-importanza li aktar nisa jsemmgħu leħinhom sabiex l-irwol tan-nisa fis-soċjetà jkompli jinbidel.