Ekonomija Lokali

Kummissarju Ewropew jikkonferma li l-pjan ta’ Abela dwar l-impjiegi falla

Il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit, stqarr li mhux impressjonat mill-istrateġija tal-Gvern ta’ Robert Abela li timporta ħaddiema bi dħul baxx u li ħaddiema importati “mhux prospett tajjeb” għal Malta. Eżatt dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista għal żmien twil u dan hu konferma li l-Gvern għandu jinvesti fil-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputati tal-PN Ivan Castillo, Ivan J. Bartolo u Jerome Caruana Cilia.

Il-Partit Nazzjonalista itenni li pajjiżna jista’ biss jesperjenza żieda adegwata fil-pagi jekk tkun indirizzata d-diskrepanza attwali fil-ħiliet u bi tfassal fir-rekwiżiti tal-ħiliet futuri. Dan inaqqas drastikament ukoll il-brain drain tal-ħaddiema, l-aktar tas-sengħa, kif ukoll l-eżodu taż-żgħażagħ tagħna li qed ifittxu futur aħjar.

Għaldaqstant, Malta trid taqleb minn strateġija ekonomika singolarment iffukata fuq l-importazzjoni ta’ xogħol irħis aktar milli fuq iż-żieda fil-produttività u l-ħolqien ta’ swieq ġodda b’impjiegi b’valur miżjud li jwasslu għal pagi ogħla u mhux billi timla’ lill-pajjiż b’ħaddiema immigranti bi dħul baxx, għad-dannu tal-ħaddiem Malti.

Il-Partit Nazzjonalista itenni li l-Gvern għandu jibda diskussjonijiet nazzjonali serji dwar l-implikazzjonijiet tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) fuq il-ħaddiema, ix-xogħol u is-sistema edukattiva tagħna għax din hi kwistjoni serja li jkollha impatt negattiv fuq il-ħaddiema jekk ma naġixxux immedjatament.

Fl-intervista mat-Times of Malta, il-Kummissarju Ewropew stqarr ukoll dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalita, jiġifieri li meta ekonomija tkun ibbażata fuq pagi baxxi, ikun hemm min ikollu interess jara li l-pagi ta’ kulħadd jinżammu baxxi. B’riżultat ta’ dan, meta ż-żgħażagħ jaraw li ma jkunux qed jitħallsu b’mod korrett għax-xogħol li jagħmlu, ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jfittxu pajjiż ieħor fejn ikunu jistgħu jimirħu.

Min-naħa l-oħra, meta ekonomija tkun ibbażata fuq produttività b’valur miżjud, din iżżid il-pagi, li jagħmlu kuraġġ liż-żgħażagħ biex jibqgħu jimirħu f’pajjiżna.

Filwaqt li l-Kummissarju Ewropew jissuġġerixxi ħarsien akbar tat-tfal u tal-anzjani biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern għandu jilleġiżla għal, u jinforza, miżuri aħjar favur il-familja, opportunitajiet ta’ remote working u inizjattivi ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, fejn falla kompletament.

Wieħed kien jistenna li fl-aħħar xhur, il-Gvern ta’ Robert Abela kien se jindika l-viżjoni fit-tul tiegħu, b’mudell ekonomiku ġdid. Kellu opportunità li lill-poplu Malti u Għawdxi jindikalu lejn fejn irid jieħu lill-pajjiż. Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin stennew lill-Gvern jgħid x’niċeċ ġodda fl-ekonomija se jkunu qed jinħolqu.

X’investiment se jkun qed isir f’industry verticals eżistenti? X’tip ta’ value added jobs għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema se jkunu qed jinħolqu? X’tip ta’ setturi li jħallsu pagi tajbin u mhux cheap labour se jkunu qed jinħolqu? X’opportunitajiet ġodda se jkun qed joħloq għaż-żgħażagħ? Fuq kollox, x’viżjoni se jkun qed joħloq għall-familji Maltin u Għawdxin biex jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar?

Min-naħa l-oħra, il-politika tal-Partit Nazzjonalista hi bbażata fuq proposti u pjanijiet li jindirizzaw numru ta’ sfidi. Irid li tinħoloq ekonomija verament b’saħħitha li toħloq il-ġid. Hu għalhekk li jtenni l-pjan li joħloq dawn l-għaxar setturi ekonomiċi ġodda li joħolqu impjiegi ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna:

1. Investimenti bbażati fuq Metaverse

2. Servizzi ta’ compliance u due diligence

3. Manifattura avvanzata u speċjalizzata

4. Ipprintjar 3D

5. Applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali (AI)

6. L-industrija tal–e-Sports

7. Produzzjoni ta’ video games

8. Industrija tal-isports

9. Tisħiħ tas-settur tal-enerġija

10. Intrapriżi soċjali