Knisja Lokali

L-Arċisqof Charles Scicluna jżur il-pazjenti Maltin f’Londra

L-Arċisqof Charles Scicluna temm żjara pastorali ta’ jumejn f’Londra, fejn iltaqa’ mal-pazjenti Maltin u qrabathom li bħalissa qed jingħataw kura fl-Ingilterra.

Matul din iż-żjara, l-Arċisqof iltaqa’ ma’ wħud mill-Maltin residenti f’Puttinu House f’Sutton. Hemmhekk iċċelebra quddiesa u ħeġġeġ lill-pazjenti sabiex ma jiqfux ifittxu lil Ġesù għaliex hu biss jista’ jfejjaq mill-qtigħ il-qalb u l-biża’ li xi drabi jaħkmu lill-bniedem.

L-Arċisqof Scicluna żar il-Maltin li jinsabu rikoverati fl-isptar Royal Marsden u qatta’ wkoll ftit ħin mat-tfal li qed jingħataw kura fl-Isptar Great Ormond Street, fejn għammed ukoll żewġ trabi: Maltija li twieldet ftit jiem ilu f’Londra u tarbija Indjana ta’ madwar tliet xhur. Lill-pazjenti, il-qraba u anke lill-ħaddiema tal-isptarijiet, l-Arċisqof tahom kuruna tar-rużarju sabiex il-Madonna tkun ta’ faraġ u tama għalihom ilkoll.

L-Arċisqof faħħar il-ħidma ta’ Puttinu Cares talli jipprovdi akkomodazzjoni u appoġġ lill-Maltin f’dawn il-mumenti diffiċli. Irringrazzja lis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù kif ukoll lill-Patrijiet Franġiskani Konventwali, Patri Mario Sant u Patri Joseph Formosa, li ilhom għal dawn l-aħħar 9 snin jagħtu sapport morali u spiritwali lill-komunità Maltija li teħtieġ kura speċjalizzata fir-Renju Unit.