Internazzjonali

L-Istati Uniti u ċ-Ċina f’laqgħat għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Is-Segretarju tat-Teżor għall-Amerka, Janet Yellen appellat liċ-Ċina biex tikkopera sabiex il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tkun waħda ta’ suċċess; kriżi meqjusa bħala waħda ta’ theddida eżistenti.

Yellen bħalissa tinsab fuq żjara f’Beijing bl-għan li ttejjeb ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Hi qalet li ċ-Ċina teħtieġ li tissapportja l-Fondi favur Klima iktar Ħadra li qed jitmexxa mill-Istati Amerikani.

Illum il-ġurnata, iċ-Ċina hi l-ikbar investitur fid-dinja li qed tinvesti f’enerġija solari u l-ikbar produttur tal-pannelli solari u t-turbini tar-riħ.

Minn naħa tagħha, l-Amerka investiet il-biljuni ta’ dollari fl-aħħar snin f’inizjattivi bl-għan li jiġġieldu l-kriżi tat-tibdil fil-klima.

Beijing kienet qalet li hi responsabbiltà tal-Ewropa u l-Amerika bie iħallsu għat-tranżizzjoni tal-enerġija wara li kienu dawn il-kontinenti li l-iktar ikkontribwixxew għall-emmissjonijiet.

Yellen hi t-tieni uffiċjal ta’ Washington li żaru Beijing fl-aħħar xahrejn biex jipprovaw inaqqsu t-tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.