Lokali

150 familja mhedda li se jispiċċaw bla xogħol

Konfużjoni bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Transport Malta dwar is-servizz tat-trasport għall-istudenti minn vetturi eight seaters

Fil-jiem li għaddew kelmuna sidien u xufiera li jipprovdu s-servizz ta’ trasport eight seaters għall-istudenti u qalulna li għadhom kemm ġew infurmati mill-Ministeru tal-Edukazzjoni li l-kuntratt li hemm magħhom se jitwaqqaf b’effett immedjat.

Dan meta waqt il-Covid-19 dawn is-sidien u xufiera ffinalizzaw ftehim mal-istess Ministeru tal-Edukazzjoni biex invista ta’ dak li kien qiegħed jiġri, il-kuntratt tagħhom jiġġedded b’sentejn oħra u hekk flok ma jintemm fis-sajf ta’ din is-sena, jintemm fis-sajf tal-2025.

Issa f’daqqa waħda dawn is-sidien u xufiera ngħataw din l-aħbar xejn pjaċevoli li bla dubju ta’ xejn li jhedded id-dħul tagħhom u tal-familji tagħhom.

Jirriżulta li fil-pajjiż hawn ċirka 75 sid ta’ vetturi eight seater. B’kollox f’dan is-servizz hawn jaħdmu mal-150 persuna bejn sidien u impjegati bħala xufiera li kemm-il darba l-Ministeru tal-Edukazzjoni mhux se jirtira din id-deċiżjoni li ħa, allura dawn se jispiċċaw bla xogħol.

Dawk li tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li huma ma jistgħux jifhmu kif issa qabżet fuqhom Transport Malta u qed tgħid li l-vetturi tagħhom huma illegali biex joffru dan is-servizz meta għal dawn is-snin kollha li għaddew l-istess Transport Malta dejjem iċċertifikathom li jistgħu jaħdmu u joffru s-servizz ta’ trasport għat-tfal tal-iskejjel.

L-istess sorsi komplew jgħidulna li qabel ma’ f’Settembru ta’ kull sena huma jibdew joffru dan is-servizz ta’ trasport ta’ tfal tal-iskejjel, il-mezzi ta’ trasport tagħhom kienu jkunu ċċertifikati mill-istess Transport Malta fejn anki l-log book ta’ kull vettura kien jintwera wkoll lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex kollox isir kif suppost u b’sigurtà sħiħa għal dawk kollha li jingħataw is-servizz.

Dawn is-sidien u xufiera tal-eight seaters qed jappellaw lill-awtoritajiet konċernati biex jirrevedu l-pożizzjoni tagħhom, anki għaliex se jkun qed jinkiser il-kuntratt imġedded bejn il-partijiet. “Jekk dawn iridu jwaqqfu s-servizz tal-eight seaters allura jitkellmu minn ħafna qabel biex aħna naraw x’se nagħmlu għaliex mhux ġust li xi ħadd jiġi issa u jgħid li dan il-kuntratt se jitwaqqaf minn issa għal issa.