Bl-imħabba tiegħek naslu. Din hi t-tema magħżula għall-maratona organizzata minn Hospice Malta li qed tittella’ matul il-Ħadd.
Il-maratona, li bdiet mill-11am u għandha sa 11pm, qed tittella’ bl-għan li jinġabru fondi sabiex jitlesta l-ewwel kumpless ta’ kura paljattiva f’Malta – il-kumpless St Michael Hospice f’Santa Venera li se jkollu kemm day therapy unit u in-patient unit.
Fil-kumpless St Michael Hospice se jkunu qed jingħataw servizzi olistiċi ta’ kura paljattiva lill-pazjenti li jbatu mill-kanċer u l-qraba tagħhom – servizzi li jingħataw mingħajr ebda ħlas.

Matul il-maratona, fost numru kbir ta’ voluntiera li qed jirrispondu t-telefonati għad-donazzjonijiet li qed isiru mill-Maltin, kien hemm il-Kap tal-PN Bernard Grech, id-deputy speaker tal-kamra tar-rappreżentanti u deputat tal-PN David Agius, kif ukoll id-deputat tal-PN Graziella Galea.
Fil-messaġġ tiegħu Bernard Grech qal li lkoll kemm aħna għandna ngħinu lil Hospice Malta għaliex din l-għaqda mhux governattiva tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ ħafna nies fil-bżonn – donazzjonijiet li għandhom jingħataw bħala turija ta’ apprezzament u biex jitkompla x-xogħol tant milll-qalb.


Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>