Futbol Sport

EURO 2023 U/19: L-Italja jikkwalifikaw għas-semi finali bid-differenza fil-gowls

(Ritratt: Martin Agius)

Neil Camenzuli

ITALJA…………….1

POLONJA………..1

Italja: D.Mastrantonio, F.Missori, I.Regonesi, F.Chiarodia, L.Dellavalle, L.Hasa, C.N’Dour, M.Kayode, P.Esposito (N.Turco 82’), S.Vignato (L.Koleosho 78’) , G.Faticanti (L.Amatucci 78’)

Polonja: O.Zych, I.Drapinski, J.Lewicki (M.Brzozowski 56’), M.Matysik, A.Kozubal, D.Bugaj (I.Kaczmarski 82’), J.Majchrzak, W.Smolinski, M.Kowalczyk (K.Urbanski 46’), J.Nsangou (T.Pienko 46’), I.Strzalek (M.Kowalski 71’)

Imwissija: G.Faticanti 21’, F.Missori 30’, C.N’Dour 86’, N.Turco 87’ (ITA), J.Majchrzak 23’, J.Lewicki 53’ (POL)

Skorjaw: I.Strzalek 8’ (POL), L.Hasa 33’ (ITA)

Referee: Gergo Bogar (UNG)

Assistenti Referees: Theodoros Georgiou (UNG), Dojando Myftari (ALB)

L-Italja għaddew għas-semi finali b’parità ta’ 1-1 kontra l-Polonja. It-Taljani għaddew għar-rawnd li jmiss minħabba d-differenza fil-gowls, hekk kif iż-żewġ timijiet temmew b’4 punti minn tlett logħbiet, b’Portugall jispiċċaw fl-ewwel post b’tlett rebħiet u 9 punti. L-Italja se jaffrontaw lit-tim rebbieħ ta’ Grupp B, li probabbli jkunu Spanja.

Il-Pollakki ħarġu fuq l-offensiva mill-ewwel bl-ewwel azzjoni denja ta’ nota tasal minn Junio Nsangou li pprova jegħleb lil Mastrantonio b’xutt minn barra l-kaxxa mix-xellug, bil-konklużjoni tiegħu tgħaddi ftit barra.

Fil-5 minuta kien imiss it-Taljani li jittantaw xortihom lejn ix-xibka, b’ Pio Esposito jiżmarka ruħu tajjeb fil-kaxxa u jinterveni l-kross perikoluż ta’ Missori, bil-goalkeeper Pollakk Zych jevita l-periklu.

Il-Pollakki fetħu l-iskor wara 8 minuti minn żball tal-goalkeeper Taljan Mastrantonio minn konklużjoni baxxa ta’ Igor Strzalek minn barra l-kaxxa, bil-ballun jgħaddi minn taħt idejn il-goalkeeper u jagħti l-vantaġġ lill-Pollakki.

Fil-25 minuta okkażjoni oħra għat-tim Pollakk, din id-darba minn freekick mogħti minn Lewicki li rriżulta f’save tajjeb minn Mastrantonio.

L-Italja kisbu d-draw fit-33 minuta permezz tal-attakkant laterali ta’ Juventus Luis Hasa minn kross fil-baxx u preċiż ta’ Samuel Vignato minn naħara tax-xellug.

Ftit mumenti wara t-Taljani b’azzjoni oħra ta’ gowl din id-darba mil-lemin minn kross ta’ Missori li jsib lil Vignato, bil-konklużjoni tiegħu tgħaddi l-barra.

Il-Pollakki rrispondew tajjeb fid-39 minuta b’kontrattakk veloċi li spiċċa b’save impekkabli ta’ Mastrantonio mill-konklużjoni ta’ Nsangou.

L-ewwel taqsima bilanċjata bejn iż-żewġ timijiet, bil-persentaġġ tal-pussess tal-ballun ikun 50% għaż-żewġ timijiet, bil-Pollakki jkollhom ftit iktar azzjonijiet perikolużi.

Freekick għoli minn Cher N’dour fil-56 minuta minn foul kommess minn Matysik kienet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota mill-ewwel għaxar minuti tat-tieni taqsima, biż-żewġ timijiet iktar kawti mill-possibiltà li jsofru gowl.

Fid-79 minuta ġirja individwali mix-xellug lejn in-nofs ta’ Luis Hasa tirriżulta f’korner wara li l-konklużjoni tiegħu ġiet devjata minn Matysik.

Minuta wara tentattiv ieħor minn barra l-kaxxa din id-darba ta’ Che N’Dour tispiċċa barra.

L-aħħar għaxar minuti ta’ pressjoni kbira mill-Pollakki, bid-difiża Taljana tipikament sodda u tiddefendi l-attakki tal-avversarji sabiex ikkonfermaw ir-riżultat u l-kwalifikazzjoni tagħhom għas-semi finali.

Il-plejer Pollakk Smolinski jtajjar il-ballun b’daqqa ta’ ras (Ritratt: Martin Agius)

Il-plejer Taljan Samuel Vignato fuq il-kontrattakk (Ritratt: Martin Agius)