Lokali

Fil-Wasteserv 60% tal-iskart qed jerġa’ jitħallat u jispiċċa fil-Miżbla

Filwaqt li l-gvern jhedded lin-nies li kemm-il darba ma jisseparawx l-iskart jistgħu jiffaċċjaw multi konsiderevoli

Sitwazzjoni tassew surreali fil-Wasteserv tal-Magħtab fejn l-affarijiet li qed jiġru ta’ kuljum ma jitwemmnux u huma biss sorsi infurmati direttament involuti f’dan l-impjant li jistgħu jirrakkontaw b’awtorità dak li jgħaddu minnu fil-ġurnata tax-xogħol tagħhom.

“Mhux veru li l-iskart qiegħed ikun isseparat. In-nies fi djarhom qed jisseparaw l-iskart, iżda hawn qed jerġa’ jitħallat kollox u kollox imur dritt għal ġol-Miżbla.

“Ħallini nkun aktar preċiż. Mela nassigurak li mas-sittin fil-mija tal-iskart li jiddaħħal fil-Wasteserv tal-Magħtab mhux qiegħed ikun isseparat kif suppost. Skart ta’ riċiklaġġ u skart tal-borża s-sewda spiss ħafna jitħallat, isir balal ta’ kważi tunnellata kull waħda u jintrema fil-Miżbla.

“Suppost li kartun għalih, plastik għalih u skart ieħor tal-borża s-sewda jkun isseparat. F’ħafna mill-każijiet – biex inlaħħqu mal-volum tal-iskart – min ikun responsabbli jiftaħ il-volum tas-separazzjoni tal-iskart għal kważi tliet filati… u jgħaddi kollox.”

Hekk bdew biex qalulna sorsi infurmati li jservu fil-Wasteserv tal-Magħtab dwar dak li qed jiġri ta’ kuljum f’dan l-impjant. “Mela xi drabi s-sistema tinfetaħ fuq One u l-affarijiet jimxu bil-mod biex l-iskart ikun separat, iżda mbagħad jiġi ħaddieħor u jiftaħ l-istess sistema fuq Ten u kollox jibqa’ għaddej għal ġol-Miżbla.

“Mela quddiem il-barranin ħafna reċti u kummiedji, iżda mbagħad meta ma jkun hemm ħadd u x-xogħol ikun dieħel bl-addoċċ, aħna ningħataw struzzjonijiet biex ‘ejja ħa mmorru’ u kollox jibqa’ għaddej. L-aktar nhar ta’ Ħadd meta ħaddiema jkun hemm ferm inqas mis-soltu!”

Qalulna dawn is-sorsi infurmati li ftit tal-ġimgħat ilu seħħ każ mill-aktar stramb meta fuq il-conveyor belt li fuqu jgħaddi l-iskart, feġġ ħanżir daqsiex li naturalment kien mejjet.

“Aħna nħsadna u dħakna fl-istess ħin. Dak il-ħin suppost li kien għaddej ix-xogħol tas-separazzjoni tal-borża l-griża. Iżda xi ħadd minn tal-iscammel iddeċieda li mal-boroż il-griżi jitfa’ wkoll ħanżir mejjet.

“Naturalment ix-xogħol waqaf ħesrem biex tittieħed deċiżjoni dwar x’se jsir minnu dan il-ħanżir mejjet u li suppost ittieħed il-Marsa fl-inċineratur biex jinħaraq.

“Ma taqtax x’ġara? Min kien responsabbli qabżitlu u ordnalna nħalluh għaddej biex finalment spiċċa ppakkjat f’balla mal-plastik u l-kartun… u sussegwentement esportat lejn il-klijent! Mur ifhem lill-klijent x’sorpriża ħa jew se jieħu meta jirċievi balla bħal din b’ħanżir mejjet fiha…” qalulna dawn is-sorsi infurmati.

Żiedu li l-purċinellati li qed isiru f’dan il-post tax-xogħol mifqugħ bid-droga u bl-abbuż tad-droga, huma bla limiti. “Ftit tal-ġimgħat ilu ġiet iżżurna delegazzjoni mill-Unjoni Ewropea. Fil-jiem ta’ qabel daħħluna lejl u nhar biex innaddfu u nagħmlu kollox f’postu. Ħdimna fuq li ħdimna. Ġiet id-delegazzjoni u baqgħet impressjonata… mur għidilha x’għamilna fil-jiem ta’ qabel u kif wara li telqet kollox mar lura għal li kien qabel… jiġifieri għall-attitudni ta’ ‘ejja ħa mmorru’!

Qalulna l-istess sorsi infurmati li l-Wasteserv saret illum post tax-xogħol fejn Ministri u Deputati Laburisti jdaħħlu bl-addoċċ lin-nies tagħhom biex jaqduhom. Iżda dak li qed jiġri hu li min jiddaħħal il-Wasteserv ma jingħata l-ebda taħriġ u ma jkunx infurmat x’se jsib ma’ wiċċu u ħafna minn dawk li jidħlu jdabbru rashom wara ftit żmien… “Iżda l-Ministru jew id-Deputat Laburista jkun jista’ jgħidilhom li hu qdihom!”

Is-sitwazzjoni fl-impjanti kollha tal-Wasteserv mhix waħda feliċi, iżda l-agħar sitwazzjoni hi dik tal-Wasteserv fil-Magħtab fejn filwaqt li lin-nies jippruvaw jedukawhom ħalli jisseparaw l-iskart – u hekk għandu jkun – hemm hekk kollox isir bil-maqlub u hekk tispiċċa titlef il-fiduċja f’kulħadd… “għax kif jista’ jkun li jkollok lil min hu responsabbli jaqbad minn fuq il-conveyor oġġett u jispiċċa jiddieħak u jippurċinella bih mal-impjegati!”

Tassew li l-Wasteserv tal-Magħtab sar free for all u min suppost li jkun ta’ eżempju u jmexxi kif suppost, jagħmel dan biss għal għajn xi ras kbira meta tiġi żżur l-impjant… mill-bqija xejn!