Ikomplu l-appelli ma jaqtgħu xejn biex issir ġustizzja vera wara l-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, b’messaġġ komuni jidwi minn kull persuna li qed tiġġieled biex toħroġ il-verità kollha: “Prim Ministru, agħmel dak li hu sewwa.”
Kien dan it-titlu b’ittri kbar fl-Editorjal tal-Malta Today tal-Ħadd fejn l-editur ħass li għandu jwassal appell b’saħħtu lil Robert Abela biex isejjah għal Inkjesta Pubblika.
Dan hekk kif l-Erbgħa għandu jittieħed il-vot fil-Parlament biex pajjiżna jkun jaf eżatti x’ġara ħażin biex waqa’ il-bini li ħalla vittma lil Jean Paul … u fuq kollox nitgħallmu minn dawn l-iżbalji ħalli ma narawx vittmi aktar.
Għalkemm Robert Abela, għal xi raġuni jew oħra, għandu problema li ssir Inkjesta Pubblika ….qed jibqa’ jirrifjuta s-sejħa tal-omm li tilfet lil binha, tant li għażel li jmexxi l-vot b’ġimgħa; b’differenza għal dak li jsir is-soltu meta l-vot jittieħed fil-ġurnata tad-diskussjoni.
L-Editorjal qal li Inkjesta Pubblika hi ta’ bżonn hekk kif wasal iż-żmien li s-settur tal-kostruzzjoni jiġi riformat wara li rajna diversi vittmi li jew isofru minn ġrieħi serji jew saħansitra jitilfu ħajjithom, bħal Miriam Pace.
Fil-fatt, l-ġurnal innota li wara t-traġedja ta’ Miriam Pace, li ntradmet taħt il-bini ta’ darha stess hekk kif kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni ħdejn ir-residenza tagħha, pajjiżna baqa’ ma tgħallem xejn minn dan l-episodju wara li ma sar xejn biex tiġi evitata l-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Minflok ittieħdet azzjoni minn Robert Abela, hu qed jibqa’ jwebbes rasu b’riżultat li qed iwassal il-messaġġ li persuni fil-kostruzzjoni jistgħu jagħmlu li jridu għax l-ebda azzjoni mhi se tittieħed kontrihom… anzi se jsibu l-protezzjoni tal-Prim Ministru, temm jghid l-editorjal tal-MaltaToday.