Qed ngħixu realtà fejn kull Malti u Għawdxi qed iħossu fgat f’pajjiżu stess, b’popolazzjoni essaġerata u għoli tal-ħajja li iktar ma jmur iktar qed tiżdied… iżda Robert Abela iħoss li kollox għaddej tajjeb ħafna.
Dawn it-temi kienu s-suġġetti ewlenin li ġew diskussi waqt intervista li saret lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech fuq NetFM.
Bernard Grech qal li l-għoli tal-ħajja saret bla kontroll, bin-nies mhux ilaħħqu mal-ispejjeż kollha li qed jaffaċjaw ta’ kull xahar, b’Robert Abela qed ikompli jaħrab mill-problema.
“Illum m’għandnix għoli ta’ ħajja ta’ ftit cents iżda minkejja li dan huwa ċar, Robert Abela qata’ qalbu li jindirizza l-għoli tal-ħajja,” qal Bernard Grech.
Bil-Partit Nazzjonalista ilu x-xhur u s-snin jagħti s-soluzzjonijiet għal dan, bħat-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u n-negozji li għandhom jingħataw inċentivi meħtieġa.
“Flimkien aħna se nindirizzaw l-għoli tal-ħajja ħalli n-nies ikollhom il-kwalità ta’ ħajja li tixriqilhom,” qal Bernard Grech.
Il-Kap tal-PN qal li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni favur il-Maltin, mhux biss fejn tidħol il-kriżi tal-għoli tal-ħajja iżda wkoll fejn jidħol il-mudell ekonomiku. Fix-xhur li għaddew, il-PN kien ħoloq għaxar setturi ekonomiċi ġodda biex nimxu maż-żminijiet tal-lum.
“Irridu naraw li jiġi addottat mudell ekonomiku b’setturi ekonomiċi ġodda,” qal Bernard Grech.
Bernard Grech qal li hemm bżonn ta’ pjan ekonomiku ċar li jagħti nifs lill-Maltin u l-Għawdxin.
“Mhux biss nixtiequ iżda hemm bżonn ta’ pjan ekonomiku li ma jibbażax biss fuq iż-żieda fil-popolazzjoni,” qal Bernard Grech.
Dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, il-Kap tal-PN qal li jekk Robert Abela m’għandux x’jaħbi, l-inqas ħaġa li jista’ jagħmel hi Inkjesta Pubblika. Iżda iktar ma jkompli jwebbes rasu, iktar qed juri li qed jaħbi xi ħaġa mill-poplu Malti u Għawdxi.
Bernard Grech qal li kull persuna qed turi li tixtieq isir l-Inkjesta Pubblika iżda imbagħad tara lill-Prim Ministru iżolat jibqa’ jgħid li Inkjesta Pubblika ma jgħamilx.