Numru ta’ pulizija sfaw midruba waqt konfronti vjolenti ma’ dimostranti fil-belt ta’ Giessen. Dan meta fil-belt kien qed isir festival biex jiċċelebra l-kultura tal-Eritrea u li għaliha attendew ħafna membri tal-komunità tal-Eritrej fil-Ġermanja.
Intant, mijiet ta’ pulizija kellhom jużaw il-lembubi u l-gass tad-dmugħ biex jikkontrollaw il-folol tan-nies li kienu rrabjati ferm talli l-festival kien qed jinżamm xorta f’dik il-belt ċentrali minkejja l-isforzi inizjali biex dan ma jsirx minħabba l-potenzjal għall-inkwiet.
Ir-rabja kienet partikularment akuta peress li d-dimostranti kienu konvinti li l-festival ma kienx ħlief eżerċizzju ta’ propaganda mir-reġim awtoritarju tal-Eritrea.
Il-ġlied fi Giessen dam għaddej is-sigħat u fejn mifhum li weġġgħu talanqas 30 pulizija – bl-uffiċjali għaz-zamma tal-liġi jarrestaw ‘il fuq minn 100 dimostrant.
Fl-eqqel tal-battalji, id-dimostranti waddbu l-fliexken u l-ġebel lejn il-pulizija, minbarra li vandalizzaw il-vetturi u qaċċtu l-fencing madwar is-sit fejn kien qed isir il-festival. Dan waqt li huma garaw ukoll il-ġebel lejn il-karozzi tal-linja li kienu qed iwasslu lill-parteċipanti għall-festival, bil-filmati juru l-battalji kontinwi bejn id-dimostranti u l-pulizija li nfirxu għal diversi bnadi tal-belt.
L-awtoritajiet ta’ Giessen – belt ta’ xi 84,000 residenti – qabel kienu pruvaw iwaqqfu l-organizzazzjoni tal-festival minħabba l-inkwiet (fil-belt) tas-sena preċedenti, iżda qorti lokali annullat id-direttiva biex il-festival ma jsirx.
Dan il-festival hu organizzat mill-Kunsill Ċentrali tal-Eritrej fil-Ġermanja li hu kunsidrat bħala qrib ħafna tal-Ambaxxata tal-Eritrea f’Berlin.
//= $special ?>