Lokali

Il-Gvern Laburista jiġi fi kliem il-PN u jħabbar li se jiftaħ Ambaxxata Maltija f’Ottawa

Beppe Fenech Adami u Carm Mifsud Bonnici jikxfu kif għal darb’oħra l-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħmel u-turn oħra

Fil-jiem li għaddew il-Ministru Ian Borg ħabbar li l-Gvern Laburista se jiftaħ Ambaxxata Maltija f’Ottawa fil-Kanada… jiġifieri issa l-Gvern Laburista ġie fi kliem il-Partit Nazzjonalista li ilu jinsisti għal dan sal-punt li tali wiegħda kienet ukoll fil-Programm Elettorali tiegħu iżda dakinhar tal-Labour kienu jiddieħku b’din il-proposta.

Tajjeb li jkun ippreċiżat li l-Partit Nazzjonalista kien jinsisti għal Ambaxxata Maltija fil-kapitali tal-Kanada għas-sempliċi raġuni li f’dan il-pajjiż hemm ’il fuq minnn 40,000 persuna ta’ dixxendenza u nisel Malti.

Iżda quddiem l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista, Eks Ministri tal-Affarijiet Barranin Laburisti bħal Carmelo Abela u Evarist Bartolo, dejjem ippruvaw jiddiminuwixxu l-importanza ta’ Ambaxxata Maltija fil-Kanada sal-punt li kienu jirredikolaw tali proposta li l-Partit Nazzjonalista tant kien jemmen fiha li saħansitra poġġiha wkoll fil-Programm Elettorali tiegħu.

Dwar dan kollu fil-jiem li għaddew tkellimt ma’ Beppe Fenech Adami, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Affarijiet Barranin, li qalli li għal darba oħra għandna lill-Partit Laburista jagħmel u-turn oħra sfaċċatament fil-politika tiegħu u jiġi jaqbel mal-politika u mal-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Din tal-Ambaxxata Maltija fil-Kanada mhix l-ewwel u-turn tal-Partit Laburista fil-Gvern fir-rigward tal-politika barranija li għandu jkollu pajjiżna.

Fil-fatt il-Gvern Laburista għamel u-turn oħra kbira fir-rigward tal-politika li għandu jkollu pajjiżna fir-rigward tal-Partnership for Peace fejn kien għalkollox kontra, iżda mbagħad fehem l-importanza ta’ tali sħubija u għamel u-turn biex aċċetta l-Partnership for Peace.

L-istess issa, kompla Beppe Fenech Adami, l-ewwel tal-Labour kienu għalkollox kontra li pajjiżna jiftaħ Ambaxxata fil-Kanada fejn hemm ħafna nies ta’ nisel Malti, iżda mbagħad dawwar il-politika tiegħu biex issa qed jiftaħar li f’Ottubru li ġej se jiftaħ din l-Ambaxxata li l-Partit Nazzjonalista ilu qatigħ jitkellem dwar l-importanza tagħha.

Beppe Fenech Adami temm li naturalment il-Partit Nazzjonalista jieħu gost jara lill-Gvern Laburista jagħmel dawn il-u-turns biex jadotta politika favur il-Maltin u l-Għawdxin għaliex finalment il-pariri li jagħti l-Partit Nazzjonalista huma għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi u l-Gvern Laburista m’għandux l-

ewwel jirredikolahom u mbagħad jattwahom u jipprova jieħu l-mertu kollu hu ta’ inizjattivi importanti bħal dawn.

Carmelo Mifsud Bonnici, Eks Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Politika Barranija, qal li meta hu kien il-Kelliem għall-Politika Barranija fil-fatt f’diversi okkażjonijiet għamel fil-Parlament Mistoqsijiet Parlamentari lill-Eks Ministri tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela u Evarist Bartolo, u dejjem staqsihom jistax il-Gvern jikkonsidra mill-ġdid it-talba tal-Maltin Kanadiżi biex tinfetaħ Ambaxxata jew Kummissjoni Għolja f’Ottawa, fil-Kanada.

Fit-tweġibiet tagħhom dawn dejjem urew nuqqas ta’ ħeġġa milli jieħdu din l-inizjattiva sal-punt li beżqu wkoll l-argumenti (Carmelo Abela) li: “Peress li bħalissa għaddej proċess ta’ ħidma biex jinfetħu Ambaxxati u Konsolati Ġenerali f’imkejjen oħrajn madwar id-dinja, ikun għaqli li tal-ħidma l-ewwel titlesta f’dawn il-missjonijiet u dan qabel tali proposti – li tinfetaħ Ambaxxata Maltija fil-Kanada – jitressqu ’l quddiem!”

Għal Mistoqsija Parlamentari oħra simili, darba minnhom l-Eks Ministru Laburista Evarist Bartolo qal li l-Gvern Laburista ma kellu l-ebda pjani li jiftaħ tali Ambaxxata fil-Kanada!

Issa f’daqqa waħda l-Gvern Laburista stenbaħ dwar l-importanza ta’ Ambaxxata Maltija fil-Kanada, mhux biss minħabba l-eluf ta’ persuni b’nisel Malti li hemm jgħixu f’dan il-pajjiż ġgantesk, imma anki għall-fatt li mill-aspett kummerċjali l-Kanada hu d-disa’ l-aktar pajjiżi fid-dinja li Malta tagħmel kummerċ miegħu!

Għalhekk issa tal-Labour stenbħu, ġew fi kliem il-Partit Nazzjonalista, u fehmu l-importanza ta’ Ambaxxata Maltija f’Ottawa fejn allura minħabba li Malta u l-Kanada huma t-tnejn imsieħba fil-Commonwealth, allura din ir-rappreżentanza diplomatika se tkun tissejjaħ Kummissjoni Għolja Maltija fil-Kanada.

Nifhmu li din il-Kummissjoni Għolja Maltija fil-Kanada se tkun qed timplimenta x-xogħol li diġà jsir mill-Konsolat Ġenerali f’Toronto.

Tajjeb li wieħed japprezza li meta l-Partit Nazzjonalista kien iħeġġeġ lill-Gvern Laburista biex jinvesti f’rappreżentanza diplomatika fil-Kanada, kien qiegħed jagħmel dan anki għall-fatt li l-istess Kanada hi l-uniku pajjiż tal-G7 li jirrappreżenta l-aktar pajjiżi għonja fid-dinja!

Issa f’daqqa waħda l-Gvern ta’ Robert Abela qam mir-raqda u qed jifhem li permezz ta’ Kummissjoni Għolja Maltija fil-Kanada allura Malta se tkun irrappreżentata b’mod b’saħħtu mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili li hi bbażata fil-Kanada stess. Dan fid-dawl tal-fatt li l-industrija tal-avjazzjoni f’Malta tħaddem eluf ta’ persuni tant li f’Malta tiġġenera fl-ekonomija xejn inqas minn €600 miljun fis-sena.

Tajjeb li jkun osservat li Malta bdiet ir-relazzjonijiet bilaterali tagħha mal-Kanada ftit ġimgħat biss wara l-kisba tal-Indipendenza fl-1964, u sal-lum bejniethom Malta u l-Kanada għandhom xejn inqas minn ħdax-il ftehim bilaterali li jkopru diversi oqsma.