Internazzjonali

Ir-Russja: Vladimir Putin ‘ipatti’ għall-fallimenti bit-tkeċċija ta’ aktar uffiċjali

Id-disfatti fil-gwerra tal-Ukrajna u t-tensjoni politika bla preċedent f’Moska qed iġiegħlu lill-President Russu Vladimir Putin jieħu aktar deċiżjonijiet mgħaġġlin u diskutibbli.

Dan waqt li Putin qed ikomplu jkeċċi lill-ogħla uffiċjali ta’ madwaru, ftit ġimgħat wara l-kolp ta’ stat mill-merċenarji tal-grupp Wagner li kważi wassal għall-kroll sħiħ tat-Tmexxija fil-Kremlin fost kriżi rari f’Moska.

Vladimir Putin, fl-aħħar sigħat, keċċa lill-aktar Ġeneral imlaħħaq fl-Armata f’ammissjoni oħra li l-konflitt fl-artijiet Ukreni mhux iħalli r-riżultati mixtieqa għall-President u l-Kremlin.

Intant, il-Ġeneral Valery Gerasimov, li hu fost l-aktar uffiċjali militari prominenti, qed jitwarrab mill-kariga anqas minn sitt xhur wara li kien inħatar Kap-kmandant tal-qawwiet Russi.

Minfloku nħatar il-Ġeneral Mikhail Teplinskiy li mistenni jikseb riżultati immedjati f’sitwazzjoni ferm ikkumplikata għall-militar Russu fl-Ukrajna . Fil-fatt, it-truppi Russi, fil-preżent, qed ikollhom jiddefendu kontra l-kontra-attakki mill-qawwiet Ukreni fuq diversi fronti.

Is-sitwazzjoni ta’ Gerasimov kompliet turi li l-invażjoni tal-Ukrajna qed tiżvolġi dejjem aktar f’kampanja diżastruża għall-Armata tal-Kremlin.

Dan meta Vladimir Putin diġà keċċa numru ta’ uffiċjali militari mlaħħqin li kienu jinkludu l-Ġeneral Mikhail Mizintsev u l-Ġeneral Rustam Muradov li kien l-uffiċjal responsabbli għall-hekk-imsejjaħ ‘massakru ta’ Vuhledar’, aktar kmieni din is-sena, li fih kienu nqatlu l-mijiet tat-truppi Russi fost il-battalji mal-qawwiet Ukreni.

Fl-aħħar ftit sigħat, sar magħruf li Gerasimov se jkompli jmexxi lill-qawwiet tar-Russja bħala l-Kap tal-Istaff Ġenerali, iżda r-responsabbiltà ewlenija għal kif ir-Russi qed imexxu din il-gwerra qed taqa’ fuq spallejn Teplinskiy, bħala l-Kap tal-paratruppi tal-Armata.

Intant, id-destin ta’ Gerasimov jidher li kien deċiż bħala ‘reazzjoni mgħaġġla’ għall-kolp ta’ stat mill-merċenarji ta’ Yevgeny Prigozhin, il-kap tal-grupp Wagner u li darba kien alleat ewlieni tal-President Putin.

Dan meta Gerasimov ilu ma jidher fil-pubbliku minn wara l-irvell ta’ Prigozhin fir-Russja u meta Vladimir Putin qed jagħmel li jista’ biex iwaħħal il-ħtija għall-fallimenti fil-gwerra fuq kulħadd ħlief fuqu innifsu.