Bl-imħabba tiegħek naslu.
Kienet din it-tema magħżula għall-maratona ġbir ta’ fondi organizzata minn Hospice Malta – maratona ta’ 12-il siegħa mtella’ matul il-jum tal-Ħadd u mxandra fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali kollha fejn matulha nġabret is-somma ta’ €462,839.
Il-maratona saret sabiex tiġbor fondi li se jmorru lejn l-iffinalizzar tal-proġett ta’ St Michael Hospice, li issa wasal fl-istadju finali tiegħu. Dan il-proġett se jkompli jgħin lil Hospice Malta sabiex tkompli toffri servizzi ta’ kura paljattiva ta’ kwalità għolja u b’xejn, għal eluf ta’ pazjenti u l-familji tagħhom kull sena. Preżentament, l-organizzazzjoni tassisti madwar 1,400 familja, numru li jkompli jiżdied sena wara sena.
Waqt il-maratona, Hospice Malta stiednet lil pubbliku biex jżur St Michael Hospice, fejn wieħed seta’ jara diversi sezzjonijiet fil-faċilità li wasslu sabiex jitlestu. Il-kumpless spazjuż se jkun qed jakkomoda l-pazjenti f’in-patient unit, filwaqt li se joffri wkoll servizzi għola ta’ terapija ta’ matul il-jum.
Hospice Malta għandha rwol importanti fejn jidħlu servizzi ta’ sapport għal persuni li qed jissieltu ma’ mard varju li jillimita l-ħajja, bħall-kanċer, motor-neuron disease, problemi respiratorji, kardijaċi, renali u mard tal-fwied, kif ukoll Multiple Sclerosis u CJD.
Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, Bernardette Bonnici Kind tkellmet dwar kemm hi grata lejn dawk li għenu lil Hospice, “Kull sena aħna nitolbu lill-pubbliku sabiex jagħtina s-sapport tiegħu. Din is-sena flimkien sejrin ninawguraw il-proġett ta’ St Michael Hospice. Permezz ta’ dan il-proġett, se nkunu nistgħu nibqgħu noffru kura paljattiva komprensiva tal-aqwa kwalità lill-familji fil-bżonn. Nestendu apprezzament lil dawk kollha li laqgħu t-talba tagħna u għamlu l-kontribut tagħhom waqt din il-maratona.”
Bħala organizzazzjoni mhux governattiva, Hospice Malta tiddependi ħafna fuq il-ġenerożità u l-kontribuzzjonijiet tal-pubbliku li jsostnu s-servizzi tant essenzjali li toffri. Jekk tixtieq tagħmel donazzjoni, tista’ tagħmel dan mis-sit elettroniku ta’ Hospice Malta.
L-avveniment irċieva sapport kbir minn individwi, personalitajiet magħrufa u organizzazzjoniet, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li fil-messaġġ tiegħu qal li lkoll kemm aħna għandna ngħinu lil Hospice Malta għaliex din l-għaqda mhux governattiva tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ ħafna nies fil-bżonn.