Lokali

Norma Saliba tisfida lill-PBS u ma tidħolx aktar xogħol

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS titħalla fil-għama dwar dak kollu li qed jiġri... iżda finalment il-ġurnalisti qed igawdu arja aktar serena u trankwilla

Norma Saliba, il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services iżda żvestitha milli tkun l-Editur tal-istess servizzi tal-aħbarijiet maħruġa mill-istess Kamra tal-Aħbarijiet, għat-tieni ġimgħa konsekuttiva ma rrapportatx għax-xogħol.

Sorsi infurmati tkellmu ma’ Il-Mument u kkonfermaw li issa Norma Saliba ilha għal dawn l-aħħar ħmistax ma tidher fil-bini tal-PBS.

L-aħħar darba li kienet xogħol kien il-Ġimgħa, 23 ta’ Ġunju li għadda meta tard filgħodu kellha laqgħa mat-Tmexxija tal-Public Broadcasting Services li wrewha d-diżappunti tagħhom li mhix tagħti ċans u opportunità lill-ġurnalisti tal-Istazzjon Nazzjonali biex jagħmlu x-xogħol mingħajr pressjonijiet żejda u mhix tħallihom jimirħu lil hinn minn xtutna għal coverages li jkun hemm.

Fl-aħħar ġimgħat Norma Saliba akkumpanjat lill-Prim Ministru f’numru ta’ coverages lil hinn minn xtutna, fosthom fl-Italja u fil-Libja. Barra minn hekk kienet hi wkoll li għamlet intervista mal-President ta’ Malta.

It-Tmexxija tal-PBS temmen li dan kollu hu xogħol li għandu jsir mill-ġurnalisti tal-Kamra tal-Aħbarijiet u m’għandhiex tkun Norma Saliba li tneħħi t-tapit minn taħt riġjen il-ġurnalisti billi flok tiddelega min jagħmel xiex, taħtaf is-safar hi bl-iskuża li ta’ Kastilja jkunu jridu lilha.

Il-ġlieda bejn it-Tmexxija tal-PBS u Norma Saliba hi li din tal-aħħar moħħha biex tidher kemm tiflaħ – anki biex ma titlifx l-isponsors tagħha – filwaqt li d-direzzjoni mill-Uffiċċju tat-Tmexxija hi li hi għandha tagħti ċans lill-ġurnalisti biex jimirħu huma wkoll.

Dik il-ġlieda partikulari tat-23 ta’ Ġunju li għadda wasslet biex Norma Saliba tinżel lura fl-uffiċċju tibki biki kbir. Anki fil-Kamra tal-Aħbarijiet u anki fil-kurituri. U kliemha fil-konfront tat-Tmexxija tal-PBS ma kienx mill-ħelu… b’determinazzjoni assoluta li hi mhix se tiċċaqlaq mill-pożizzjoni tagħha.

Norma Saliba proprju ftit qabel dawn ix-xenati u dawn il-bikjiet, kienet għadha kemm ċanfret bil-kbir għal darba, darbtejn, lil waħda mill-ġurnalisti tagħha għas-sempliċi raġuni li ma kenitx ħadet kumment tal-Prim Ministru fi tmiem coverage li kien għadu kemm sar.

Naturalment il-battibekki bejn Norma Saliba u t-Tmexxija tal-PBS issa ilhom għaddejjin qatigħ… b’Norma Saliba tibqa’ twebbes rasha bit-tama li finalment tkun it-Tmexxija tal-Istazzjon li ċċedi u taqta’ qalbha.

Imbagħad, jumejn wara, ir-rapport estensiv ta’ Il-Mument fejn żvelajna kif Norma Saliba kienet kisret il-Kodiċi ta’ Etika tal-ġurnalisti tal-PBS meta kienet tat voice over għal reklamar u servizz tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Dakinhar żvelajna wkoll kif kummenti ta’ żewġ Sindki – dak tal-Gżira u dak tal-Qala – kienu ġew imqaċċta minnha stess u ma ffiguraw imkien f’rapportaġġ dwar protesta nazzjonali kontra l-Awtorità tal-Ippjanar.

Inċidentalment dakinhar stess – fil-25 ta’ Ġunju – l-Awtorità tal-Ippjanar fi stqarrija xotta xotta kienet ikkonfermat l-aħbar ta’ Il-Mument. Mhux biss, iżda anki kumment espress minn Norma Saliba stess fuq il-midja soċjali kompla jikkonferma dak li konna żvelajna aktar kmieni matul il-ġurnata.

Imbagħad minn dakinhar ’l hawn, Norma Saliba ħasset li kellha ssabbat saqajha u ma tidħolx aktar għax-xogħol u l-kollegi tagħha la jafu jekk hix fuq sick fit-tul, la jafu rriżenjatx, la jafu tkeċċietx, la jafu hix sospiża… fi ftit kliem ħadd ma jaf assolutament xejn għajr li Norma Saliba hi deċiża li ma taċċettax l-ordnijiet tat-Tmexxija tal-PBS.

Norma Saliba li issa qed jirriżultalna wkoll li kemm ilha sservi fil-PBS mhix l-ewwel darba li kisret il-Kodiċi tal-Etika tal-ġurnalisti. Skont sorsi infurmati li l-ġimgħa l-oħra attendew għall-Films Awards, jirriżulta li kien hemm min qal li din kisret ukoll il-Kodiċi ta’ Etika meta kienet tagħti servizzi oħra partikolari. Kien hemm min waqt din is-serata staqsa kemm qalgħet minn dawk is-servizzi li hi kienet tagħti kull ġimgħa! Jiġifieri dħul mill-PBS u ieħor minn servizzi oħra li kienet tagħmel.

Ingħad waqt l-istess serata li Norma Saliba hi waħda mill-problemi prinċipali fil-Kamra tal-Aħbarijiet grazzi għat-tensjoni kontinwa li toħloq u għall-ġlidiet spissi li tidħol fihom. Mingħajrha l-Kamra tal-Aħbarijiet tiffunzjona b’mod aktar trankwill u seren kif fil-fatt ġara matul dawn il-jiem li għaddew fejn il-ġurnalisti ma rawx ix-xogħol tagħhom jitbiċċer kif spiss tagħmel Norma Saliba li mbagħad, meta rreaġixxiet għar-rapport ta’ Il-Mument, tellgħet kitba tassew fqira!

Sorsi infurmati mill-kurituri tat-Tmexxija tal-PBS żiedu jinfurmawna li jekk Norma Saliba mhix tirrapporta xogħol ma jfissirx li hi ma tafx x’inhu jingħad dwarha fil-binja tal-Istazzjon Nazzjonali.

Dawn is-sorsi infurmati allegaw magħna li hemm min fost il-kollegi li ilu x-xhur ikun widna għal Norma Saliba. Jibgħatilha l-messaġġi bil-Whats App. Jirrekordja lil sħabu fil-post tax-xogħol! Iċemplilha u jinfurmaha xi jkun qed jiġri meta hi ma tkunx l-uffiċċju!

Dwar għal min qegħdin nirriferu nieqfu hawn… iżda ’l quddiem għad nelaboraw ferm u ferm aktar… fosthom dwar kuntatti li għandu ma’ ċertu Awtorità partikulari li trid taħdem id f’id mal-PBS.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu jerġa’ jfeġġ isem il-Ministru Owen Bonnici… li m’hemmx qasam wieħed taħt id-dekasteru tiegħu li mhux mifni minn problemi… f’dan il-każ il-problema tal-‘madame’ li tippretendi li tagħmel li trid u li tkun it-Tmexxija tal-PBS li tbaxxi rasha u mhux hi!

Imma dwar il-Ministeru ta’ Owen Bonnici u jekk hux infurmat jew le dwar Norma Saliba nirrapportaw darb’oħra… filwaqt li nħallu lil Norma Saliba tkompli tagħmel it-telefonati u tibgħat il-messaġġi bil-Whats App biex forsi tiggwadanja ftit tal-appoġġ morali fil-konfront tal-ġlieda tagħha lit-Tmexxija tal-PBS li diġà qed tiddiskuti pjan dwar it-Tmexxija tal-Kamra tal-Aħbarijiet!