Bernard Grech kien qiegħed imexxi Oppożizzjoni magħquda u b’saħħitha, filwaqt li Robert Abela ma kienx jaf fejn qiegħed sal-punt li anqas ried li l-votazzjoni tittieħed fi tmiem id-diskussjoni u ħalla l-kwistjoni pendenti u l-ferita miftuħa.
Nhar il-Ħamis li għadda Robert Abela għaffiġha għal aktar minn darba u ta ċertifikat lilu nnifsu li għadu ’l bogħod milli jilħaq il-kalibru ta’ politiċi kbar li kellu pajjiżna fil-passat.
Għaliex, fost l-oħrajn, il-fatt li mar fil-Parlament u qagħad jinsisti b’mod ripetut li hu mhux qiegħed hemm biex jgħatti lil xi ħadd, hi tipika tal-imġiba ta’ tifel żgħir li jkun għamel xi waħda minn tiegħu, iżda lil ommu jinsisti magħha: “Mhux jien mama!”
Robert Abela, u dan joħroġ ċar anki min-narrattiva tiegħu, fil-kwistjoni ‘Jean Paul Sofia’ qiegħed joħroġ għonqu għal xi ħadd partikulari; iva qiegħed jgħatti lil xi ħadd. M’hemm l-ebda dubju u dwar dan jitkellmu wkoll membri tal-Grupp Parlamentari Laburista stess li fuq din il-kwistjoni hemm bejniethom diversi qasmiet.
Qasmiet li dehru ovvji sa mill-punt li Robert Abela nhar il-Ħamis f’nofsinhar naqas milli jindirizza lill-Grupp Parlamentari Laburista. Qasmiet sa mill-punt li ħalla lill-Grupp Parlamentari Laburista jitwissa mid-Deputat Andy Ellul li qiegħed jagħmel kulma jista’ biex jaqlibha lill-Ministru Michael Falzon u dan hu fatt magħruf sew.
Imbagħad fis-seduta ta’ filgħaxija, il-body language ta’ Robert Abela kien evidenti għall-aħħar. “Mhu qed ngħatti lil ħadd!” U mur u ħallina u agħmel qabża u tgħallem l-abjad għidlu abjad u l-iswed għidlu griż.
Meta tmur quddiem il-Parlament u quddiem Malta kollha u titkellem b’dak it-ton xejn konkret u uman, u mbagħad fi ftit sigħat wara toħroġ Avviż Legali biex “ħadd ma jaqbad ir-rizzi!” Mela rizza tipproteġiha u tagħmel sew… iżda mbagħad Inkjesta Pubblika fuq ħajja ta’ tfajjel tibqa’ tgħid “le” għaliha. Int xi tkun?
Tassew li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech nhar il-Ħamis filgħaxija ġera b’Robert Abela f’kull sens. Bernard Grech kien qiegħed imexxi Oppożizzjoni magħquda u b’saħħitha, filwaqt li Robert Abela ma kienx jaf fejn qiegħed sal-punt li anqas ried li l-votazzjoni tittieħed fi tmiem id-diskussjoni u ħalla l-kwistjoni pendenti u l-ferita miftuħa.
Bl-aktar mod oġġettiv nhar il-Ħamis filgħaxija, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista rebħet hands down u f’kull sens lil Robert Abela li għandu inkwiet kbir madwaru u, fuq din il-kwistjoni partikulari, għandu dissens.
Nhar il-Ħamis filgħaxija l-Oppożizzjoni mhux biss rebħet id-dibattitu, iżda wriet ukoll maturità politika u li hi Oppożizzjoni b’viżjoni… inkredjenti li flimkien isawru gvern alternattiv kif jixraq lill-poplu Malti u Għawdxi li issa xaba’ mhux biss mill-korruzzjoni, mill-kriminali, mit-tixħim u min-nuqqas ta’ akkontabbiltà… iżda għall-ġid ta’ pajjiżna jrid li jkollu gvern alternattiv li jiknes minn madwarna l-ħażin; iva gvern alternattiv li jkun jiżbor il-ħażin… lil dawk il-friegħi mejta u lil dawk il-friegħi bla ħajja.
F’temp ta’ 24 siegħa biss Robert Abela għamel numru ta’ żbalji kbar… fuq kollox kixef idejh li għalih rizza hi wisq aktar importanti milli tinħareġ il-verità dwar inċident li ħalla lil pajjiżna xxukkjat. Istħi Sur Prim Ministru li ma tgawdix il-fiduċja tal-kollegi kollha tiegħek.
//= $special ?>